Ħidma ta’ manutenzjoni li qiegħda ssir fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata wasslet għal sejba unika fil-gżejjer Maltin.
Il-bijologu u l-espert tal-insetti Arnold Sciberras li huwa inkarigat sabiex iwettaq xogħol ta’ kontroll kontra organiżmi ta’ ħsra f’dan iċ-ċimiterju sab speċi mutanti tal-wirdiena l-ħamra li fis-sajf twerwer xi erba’ min-nies fid-djar tagħna.
“Din hija mutazzjoni, jiġifieri mutation, ta’ speċi komuni ħafna, l-ispeċi hija l-wirdiena ħamra, American cockroach li hija pest magħrufa mad-dinja kollha u Malta mhux eċċezzjoni, li sibna hija mutation ta’ dik l-ispeċi.”
Sciberras li għandu passjoni kbira għall-insetti kompla jispjega li din l-ispeċi nstabet tgħix f’xaqq fond taċ-ċimiterju u l-wirdiena bħal donnha addattat il-ġenetika tagħha sabiex tkun tista’ tgħix fil-fond.
Minn riċerka li saret dwar din l-ispeċi jidher li fil-passat, kampjun tagħha nstabet biss tgħix f’minjiera tal-faħam fis-snin ħamsin.
“Innutajna li l-popolazzjoni hija tista’ tgħid pura, għax li sibna kienu lilhom biss u jkunu f’postijiet li huma fid-dlam u fil-fond, bl-antenni u għajnejn modifikati. Meta żammejna l-kampjun għax il-post kien terminat biex jiġi pest controlled u ried isir xogħol meta żammejna l-kampjun; għammarnih u kabbarnih biex nistudjawh kollha ħarġu bil-mutazzjoni.”
Mistoqsi dwar il-wirdien f’pajjiżna, Scicluna qalilna li n-numru ta’ wirdien mhux endemiku f’pajjiżna qieħged jiżdied madankollu l-ispeċi indiġeni Maltin jinsabu f’riskju.
“Dawk l-ispeċi li huma pests li ġew introdotti, dawk fl-esperjenza tiegħi aktar żdieda milli naqsu bil-mod effiċjenti ta’ trasportazzjoni, bil-kaxxi u dawn aktar iffjorixxew u qed jiġru minn dar għall-oħra”
Din l-ispeċi ta’ wirdiena issa hija parti mill-akbar kollezzjoni ta’ wirdien fil-gżejjer Maltin. Bħalissa Sciberras għandu mal-150 wirdiena ta’ diversi speċi differenti minn madwar id-dinja.