L-għada li ntemmew sigħat twal ta’ negozjati waqt summit speċjali fi Brussell li tlaqqa’ biex jiddiskuti l-qafas finanzjarju għall-baġit Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin, il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta ntlaqgħet tajjeb ħafna, u dik hija xi ħaġa li timlieh b’kuraġġ.
F’kollegament telefoniku fuq ONE Radio, il-Prim Ministru qal li l-laqgħat saru f’ċirkostanzi partikolari li ma kinux hemm f’negozjati oħra fil-passat, bħal Brexit.
Il-Prim Ministru stqarr: “Il-baġit huwa wieħed li għandu targets ambizzjużi ħafna fosthom fil-qasam ambjentali, mela għandek realtà li għandek aktar ambizzjonijiet li jrid jilħaq dan il-baġit li tfisser li jrid ikun hemm aktar flus biex tilħaq dawn l-ambizzjonijiet, fl-istess waqt għandek ħruġ ta’ pajjiż mill-Unjoni Ewropea li kien wieħed mill-iktar li jixħet flus fil-karus komuni biex ikunu jistgħu jintlaħqu dawk l-ambizzjonijiet.”
Il-Prim Ministru spjega li hemm ukoll ir-realtajiet individwali ta’ kull pajjiż, fosthom Malta, fejn għandek ekonomija li kibret u qed iġġib magħha sfidi ġodda.
Spjega wkoll id-diskrepanzi kontra pajjiżna fil-Politika Agrarja Komuni, frott negozjati li kienu saru fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista: “Fil-baġit li kien innegozja l-Partit Nazzjonalista nħallsu sitt darbiet aktar milli nirċievu, dawn huma realtajiet li ftit nies jafuhom, u fil-baġit li qed jiġi propost, qed jiġi propost li aħna nħallsu għaxar darbiet aktar milli qed nirċievu u naturalment dawn kienu pożizzjonijiet li jiena nnegozjajt b’mod sod li ma nistgħux naċċettawhom iżjed.”
Dr Abela spjega li l-fondi ta’ koeżjoni huma kruċjali għal pajjiżna biex l-ekonomija tibqa’ stabbli u tkompli tikber.
Madanakollu jemmen li b’sens ta’ bilanċ, jista’ jintlaħaq ftehim dwar it-triq ’il quddiem. Dr Abela sostna: “Kull Kap ta’ stat se jkun qiegħed jagħmel id-difiża ta’ pajjiżu bl-aktar mod b’saħħtu biex inti ġġib l-aktar ammont ta’ fondi possibbli biex tkun tista’ ttejjeb il-ħajja taċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż.”
Lil hinn min-negozjati, il-Prim Ministru qal li fl-ewwel Kunsill tiegħu mal-mexxejja Ewropej, innota li Malta kienet milqugħa tajjeb ħafna.
Dan fost l-oħrajn mill-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmerans, li nnota l-bidliet li qed isiru f’Malta u qallu li qed isegwi b’attenzjoni, iżda mhux biss.
“Laqagħna tajjeb ħafna wkoll mill-ġdid għat-tieni darba l-President tal-Parlament Ewropew Davide Sassoli, iddiskutejna flimkien, kompla juri s-sens ta’ pożittività li għandu lejn il-mod kif qed iħares lejn pajjiżna u tara kemm il-bidliet li għamilna fl-ewwel ġranet ta’ Jannar ta’ din is-sena, u l-ġranet li segwew sal-aħħar jiem, kemm qegħdin jiġu nnutati.”
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista temm jgħid li dan kollu jimlih b’kuraġġ biex ikompli jaħdem ħalli pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem: “Dik hija realtà li tkun qiegħed tfassal quddiemek, il-futur tal-Unjoni Ewropea għas-6 snin li ġejjin, u hija xi ħaġa ta’ responsabbiltà iżda fl-istess waqt ta’ sodisfazzjon li tkun qiegħed tipparteċipa f’eżerċizzju tant tajjeb u tara wkoll is-sens ta’ kordjalità bejn id-diversi stati membri li jiena tant konvint minnu, jalla nkomplu nibqgħu mexjin fih biex ikollna Unjoni Ewropea dejjem aktar b’saħħitha u solidali ma’ xulxin.”