Isem Malta se jkun qed jidher fuq is-settijiet tat-televiżjoni ta’ 650 miljun spettatur f’diversi pajjiżi madwar id-dinja li nhar is-Sibt 6 ta’ Mejju se jkunu qed isegwu l-ftuħ tal-Giro d’Italia.
Il-logo ta’ VisitMalta se jkun l-isponsor uffiċjali tal-Giro d’Italia ta’ din is-sena, li jintemm f’Ruma fit-28 ta’ Mejju,
B’hekk, Malta qed tiġi riklamata bħala destinazzjoni turistika ta’ eċċellenza filwaqt li tingħata viżibilità internazzjonali.
Il-logo ta’ VisitMalta se jkun qed jidher fuq it-televiżjoni u fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali, filwaqt li se jkun hemm ukoll stand f’Ruma li se tkun qed tilqa’ lill-viżitaturi u tirriklama lil pajjiżna.
Il-Giro d’Italia ġie stabbilit fl-1909 u huwa avveniment mill-aktar prestiġġjużi fid-dinja taċ-ċikliżmu.
Huwa wkoll wieħed mill-aktar avvenimenti segwiti internazzjonalment. Fil-fatt, l-avveniment jixxandar f’madwar 200 pajjiż madwar id-dinja u fuq il-midja soċjali jkun hemm madwar 4.2 miljun segwaċi ta’ dan l-isport.
Minbarra hekk, il-logo ta’ VisitMalta se jkun ukoll fuq il-flokkijiet u l-mezzi tat-trasport tat-tim EOLO-Kometa.
L-eks champion tal-Giro D’Italia u ċiklista professjonali, Valerio Agnoli, spjega li permezz ta’ dan ir-riklam isem Malta se jkollu viżibbiltà kbira.
“For me the name of Visit Malta is a big result. This project started 2 years ago with EOLO-kometa cycle team. It is a big result to publish the name of visit Malta around the world.”
Fl-istess vena tkellem il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tat-Turiżmu, Carlo Micallef.
“Aħna kellna din l-opportunità li nirriklamaw lil pajjiżna waqt il-Giro d’Italia u bih se nilħqu 200 stazzjon tat-televiżjoni madwar id-dinja. Dan huwa platform innovattiv sabiex nippromovu d-destinazzjoni Malta u Għawdex.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo spjega li t-turiżmu sportiv jifforma parti integrali mid-diversifikazzjoni tal-prodott turistiku ta’ pajjiżna.
Huwa spjega li din in-niċċa turistika tgħin biex jiġu attirati tipi differenti ta’ turisti li jkun interessati li jżur il-gżejjer Maltin jew, aktar minn hekk, jipparteċipaw f’xi avveniment sportiv f’pajjiżna.