L-istadium ta’ Wembley fakkar l-għaxar snin anniversarju minn meta l-arena reġgħet fetħet. Anniversarju li fl-okkażjoni tiegħu l-faċċata tal-istadium inbidlet bl-ilwien tal-bnadar ta’ dawk il-pajjiżi li lagħbu f’din l-arena minn meta reġgħet infetħet.
F’dawn l-għaxar snin żanżnu t-turf tal-arena, 166 tim tal-futbol f’numru ta’ kompetizzjonijiet u logħob ta’ ħbiberija. Għalhekk, biex Wembley jimmarka l-anniversarju ried li juri apprezzament lit-timijiet tal-futbol li kellhom l-opportunità jilgħabu partit futbol f’dan l-istadium tant popolari.
Fil-fatt, it-tim nazzjonali ta’ Malta kien fost dawn it-timijiet hekk fit-8 ta’ Ottubru lagħab kontra l-Ingilterra fil-World Cup Group F qualifier. Partita li fiha Malta tilfet bi skor ta’ 2-0. Iżda kif jgħid il-Malti kull deni ħudu b’ġid, hekk kif din il-partita mmarkat isem Malta fuq faċċata li tant jaraw nies.