Jumejn wara d-delitt li ħasad lil Malta, mijiet ta’ persuni nġabru fi ġnien l-Indipendenza f’tas-Sliema, il-post fejn instabet mejta Paulina Dembska biex jagħtuha tislima.
Il-post imtela’ bil-fjuri u x-xemgħat biex ifakkru lil Dembska.
B’messaġġ li l-pajjiż kollu qed jibkiha, diversi marru jagħtu tislima lil din it-tfajla li nqatlet waqt li ġiet stuprata kmieni l-Ħadd filgħodu, f’Tas-Sliema.
Waqt dan il-vġili tkellmu ħbieb ta’ Dembska, li spjegaw li jinsabu mnikkta bil-qtil brutali ta’ Dembska, li fissruha bħala tfajla twajba.
Waqt dan il-vġili, b’mod virtwali ssieħbu ukoll il-familja tal-vittma li qalu li Dembska kienet tqatta’ ħafna ħin f’dan il-ġnien u spjegaw li kienet tmur regolari titma’ l-qtates.
Għal dan il-vġili attenda l-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela, martu Dr Lydia Abela, diversi Ministri u l-President tal-Partit Laburista Ramona Attard.