F’attività politika f’Ħal Qormi Bernard Grech għamel appell lil persuni li ma jistax ikollhom tfal u sejħilhom biex ikunu attivisti fil-Partit Nazzjonalista.
Dan sabiex jgħinuh ikun fil-Gvern u b’hekk fi kliemu jassiguraw li t-tfal ta’ ħaddieħor ikollhom futur sabiħ.
Fi kliemu dan l-attiviżmu huwa dak li għandhom x’joffru lil pajjiż.
Qal, “U nsellem minn aw dik l-omm li qatt ma kienet, dak il-missier li qatt ma kien, ħsiebi miegħek ukoll. Pero int ukoll għandek x’toffri, anke jekk ma kellekx tfal, anke jekk ma jistax ikollok tfal, int ukoll, intom ukoll għandkom x’toffru lis-soċjetà. Bil-ħidma tagħkom, bix-xogħol tagħkom, bl-attiviżmu tagħkom jekk tgħinu lil dan il-partit ikun fil-Gvern, tkunu qiegħdin tgħinu lit-tfal ta’ ħaddieħor, biex huma jirnexxu kif xtaqtu li jkollkom tfal intom u jirnexxu wkoll.”
L-Erbgħa il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar kif mal-ewwel mitt jum jekk jingħata l-fiduċja, il-Partit Laburista fil-Gvern ser ikun qed jimplimenta l-emendi kollha proposti fil-liġi tal-IVF.
Fost il-proposti tal-Partit Laburista dwar l-IVF hemm it-twessigħ tal-proċessi tal-IVF u li l-proċessi jkunu bl-aktar teknoloġija moderna.
Dan filwaqt li jkunu aċċessibbli għal min ikun irid wild ieħor.
Qal, “Id-domanda tiegħek l-aktar waħda importanti, meta se ndaħħluhom dawn l-emendi. Ħa tagħmluhom erba’ snin oħra lejn tmiem il-leġislatura l-oħra? Le. Jiena nagħtik il-kelma tiegħi li jekk ningħataw il-fiduċja mill-poplu tagħna fi żmien mitt jum minn meta niġu eletti dawk il-bidliet ikunu quddiem il-Parlament u jiġu approvati.”