Il-Viċi Kap Nazzjonalista, David Agius, ma kienx fost il-ftit Deputati tal-Partit Nazzjonalista li intervjenew fil-Parlament dwar ir-riforma fil-liġi li tirregolaw l-użu responsabbli tal-kannabis.
Għalhekk uża d-dibattitu dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda liġijiet varji dwar reati sesswali biex xorta waħda jagħmel il-punt tiegħu.
Fuq Smash, Agius kien fost tal-ewwel li indika vot kontra din il-liġi: “Kif ħa nilleġiżla xi ħaġa li jien m’għandhiex esperjenza dwarha. Jien bħala Deputat parlamentari li se nagħti l-vot tiegħi biex tgħaddi jew ma tgħaddhiex din il-liġi li tista’ twassal għal problemi.”
Fil-fatt, in-numru tnejn fil-Partit Nazzjonalista, kien fost l-iktar influwenti biex il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista ħareġ kontra din il-liġi.
Huwa qal, “We stand up and be counted.”
Fl-istess ħin, f’diskors imqanqal David Agius qal li huwa l-Gvern li ma jafx fejn hu sejjer: “Hawn fejn ma jkollokx Gvern b’ direzzjoni.”
Fost oħrajn laqa’ b’xettiċiżmu l-impenn tal-Gvern, li jgħin lill-Caritas biex tassisti adoloxxenti vittmi tal-vizzju tad-droga.
U ddeskriva hekk iċ-ċerimonja tal-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru l-ewwel tax-xorta tiegħu: “Fanfarunta kbira jiftaħar li għandna l-Ibwar, prosit.”
Filwaqt li kritika l-liġi li l-Partit Nazzjonalista għażel li ma jiħux sehem fil-White Paper li wasslet għaliha, Agius reġa’ uża l-investiment li sar mal-Caritas biex jattakka l-Gvern.
Huwa tenna: “Alla jbierek l-aqwa li mbagħad immorru u niftħu l-Ibwar u niftħu ’l hemm u nagħmlu ’l hemm”.