In-nuqqas ta’ popolarità tas-suġġett tal-abbort huwa minħabba li n-nies ma jitkellmux onest fuq dan it-taboo, qalu l-attivisti nisa dalgħodu fil-Belt Valletta.
Dan huwa l-ewwel darba li nisa attivisti ma ddejqux juru l-identità tagħhom biex juru l-opinjoni tagħhom dwar dan is-suġġett.
Andrea Dibben saħqet ukoll li ma humhiex ċerti jekk is-sondaġġi li jsiru jurux stampa reali tal-opinjoni vera tan-nies. Dibben enfasizzat il-punt li d-drittijiet umani m’għandhom qatt jiġu deċiżi mill-maġġoranza għaliex kieku l-ebda riforma ma ssir jekk tittieħed wara l-fehma tal-maġġoranza.
L-attivista Lara Dimitrijevic qalet li n-nies jibżgħu juru l-opinjoni vera tagħhom b’sondaġġ bit-telefon dwar l-abort. Sostniet li ġaladarba persuna tiġi kkuntattjata bit-telefon, ifisser li l-identità tal-persuna tkun magħrufa.L-ewwel rikomandazzjoni li għamlu hija li tiġi riveduta l-istrateġija nazzjonali fuq is-saħħa sesswali biex tirrifletti l-bidliet legali u soċjali mis-sena elfejn u ħdax sal-lum.
Dan filwaqt li il-kontraċettivi għandhom ikunu disponibbli f’postijiet pubbliċi u lil-żgħażagħ li għandhom inqas minn sittax -il sena.
Issuġġerew ukoll li jiġu introdotti għadd ta’ sussidji fuq tipi differenti ta’ kontraċettivi.
Fost ir-rikomandazzjonijiet wiehed isib ukoll l-importanza t’edukazzjoni sħiħa dwar is-suġġett u s-suġġeriment li l-kontraċettivi jingħataw lil żgħażagħ ta’ taħt is-sittax -il sena.
Wieħed mill-iktar suġġerimenti rivoluzzjonarji mill-fondazzjoni għad-drittijiet tan-nisa huwa li f’pajjiżna jkun legalizzat l-abort b’mod sigur.