“Jien mingħalija li ommi u missieri huma f’post sikur fuq il-karozza tal-linja, u minflok, ġara dan l-inċident”. Stqarret hekk bint anzjan li l-bieraħ safa’ aggredit fuq it-trasport pubbliku minn koppja żagħżugħa li rrifjutat li ċċedilu s-siġġu ta’ persuni b’diżabilità fuq il-karozza tal-linja.
F’messaġġ fuq il-midja soċjali, Marouska Mizzi, bint il-vittma, spjegat kif missierha huwa għami u jkollu bżonn ipoġġi fuq is-siġġu tal-persuni b’diżabilità biex ikun sikur.
Ikkuntattjatha minn one.com.mt, Mizzi kompliet tispjega kif fuq dan is-siġġu kien hemm tarbija ta’ tliet snin flimkien mal-ġenituri tagħha.
“Ommi, bl-edukazzjoni kollha, talbet lil omm it-tarbija iżżommha fuqha biex missieri jkun jista’ jpoġġi. Din minflok bdiet tgħajjat m’ommi u toffendiha, u missier it-tarbija beda’ jagħti daqqiet lill-missieri”.
Dak il-ħin, ulied l-aggressuri bdew jitolbu lill-ġenituri tagħhom jieqfu jweġġgħu lill-anzjan, u raġel li kien riekeb fl-istess karozza żamm lill-missier milli jkompli jweġġa’ lill-vittma. B’xorti tajba, jidher li l-anzjan ma ġarrab ebda ġrieħi.
B’reazzjoni għal dan l-inċident diżgustanti, Mizzi qalet li dan huwa eżempju ċar ta’ kemm m’hawnx rispett għal min hu fil-bżonn, jew min hu ikbar fl-eta. Qalet ukoll li għalkemm il-familja tagħha dejjem sabet l-għajnuna, xorta m’hawnx biżżejjed għarfien dwar kif dak li jkun għandu jirrispetta persuni għomja.
“Sfortunatament m’hawnx ħafna għarfien dwar din il-kundizzjoni jew kif il-pubbliku jista’ jiffaċilita l-ħajja ta’ persuni għomja”, stqarret Mizzi. “Nemmen ukoll li għandu jkun hemm iktar postijiet għall-persuni b’diżabilità fuq it-trasport pubbliku biex il-vjaġġ tagħhom kun iktar sikur”.
Mizzi saħħqet ma’ one.com.mt li l-ġenituri tagħha għamlu rapport tal-inċident lill-Pulizija, u dawn qed jinvestigaw il-każ.