Il-passiġġieri u l-ekwipaġġ li kienu fuq titjira tal-kumpanija Delta li telqet minn Minneapolis l-Istati Uniti, jgħodduha b’waħda hekk kif l-ajruplan iġġarraf waqt l-inżul tiegħu fl-ajruport ta’ Toronto l-Kanada. Il-kap eżekuttiv tal-ajruport qal li s-76 passiġġier u 4 membri tal-ekwipaġġ kienu salvaw kollha hekk kif l-ajruplan iġġarraf u inqaleb fuq ir-runway.
Skont il-ħaddiema ta’ salvataġġ tifel u żewġ adulti kienu feruti serjament filwaqt li ħmistax-il persuna oħra ittieħdu l-isptar għall-kura.
Ritratti fuq il-midja soċjali wrew ajruplan maqlub fuq is-saqaf f’mitjar miksi bil-borra u jidher li mill-anqas kellu ġwejnaħ nieqes.
L-inċident seħħ it-Tnejn filgħaxija. Kien ikkonfermat li 22 passiġġier kienu Kanadiżi u l-oħrajn ta’ nazzjonalitajiet diversi. L-ajruport ingħalaq għal ftit ħin wara l-inċident iżda reġa beda jopera wara ftit sigħat.
Il-belt ta’ Toronto tinsab miksija bil-borra hekk kif f’żewġ maltempati separati, waħda l-Erbgħa u l-oħra l-Ħadd, niżlet bejn 30 u 50 ċentimetru ta’ borra.
Dan l-inċident jimmarka mill-anqas ir-raba’ inċident maġġuri tal-ajru fl-Amerka ta’ Fuq f’dan l-aħħar xahar inkluż il-ħabta bejn ajruplan tal-passiġġieri u ħelikopter militari li ħalliet is-67 persuna abbord kollha mejta.