Il-kontijiet li ppreżenta l-Partit Nazzjonalista quddiem il-Kummissjoni Elettorali jixhdu kif taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil u issa Adrian Delia, il-kumpaniji tal-Partit Nazzjonalista komplew iżidu d-dejn bil-goff.
L-istess bħalma għamel il-Partit Nazzjonalista nnifsu.
Fost oħrajn l-azjendi tal-Partit Nazzjonalista, primarjament il-midja, tilfu kważi seba’ miljun ewro fl-aħħar tliet snin.
Is-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali spjegaw kif dawn ir-riżultati huma fost id-diversi kawżi ta’ inkwiet fid-Dar Ċentrali bit-tmexxija l-ġdida twaħħal f’ta’ qabilha li tinsab dahra mal-ħajt u tgħid li minkejja li ma ħallewlhomx ċenteżmu biex jaħdmu xorta waħda qed jagħmlu li jistgħu. Naturalment, ta’ qabilhom isostnu mod ieħor u jgħidu li għamlu l-mirakli biex salvaw il-Partit Nazzjonalista. Jingħad x’jingħad jirriżulta li ż-żewġ blokki ħasbu fihom infushom għax fost il-ftit affarijiet komuni li kien hemm fl-aħħar snin u taħt iż-żewġ kapijiet kienu ż-żidiet fil-pagi.
Komuni wkoll il-fatt li għat-tieni sena konsekuttiva l-Partit Nazzjonalista reġa’ naqas li jżomm mal-provediment tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti li jistipula li l-kontijiet finanzjarji jridu jitlestew u jiġu ppubblikati sal-aħħar ta’ April ta’ kull sena.
Fil-fatt filwaqt li l-Partit Laburista ppreżenta l-kontijiet tiegħu fil-25 ta’ April, il-Partit Nazzjonalista għamel dan fit-30 ta’ Ġunju. Fil-fatt dan kien ġimgħa aktar tard mid-data li fija l-Partit Nazzjonalista kien ippubblika l-kontijiet tiegħu fl-2017.
Matul l-2017 l-azjendi tal-Partit Nazzjonalista għamlu telf ta’ aktar minn €2 miljun. Ta’ min jinnota li t-telf li sar fl-2017 kien ferm akbar mit-telf li kien sar fl-2016. Fil-fatt is-sena ta’ qabel intilfu €1.6 miljun. Li jindika li dawn l-azjendi qed jitmexxew agħar minn qabel.
Il-kontijiet tal-Partit Nazzjonalista juru li matul l-aħħar snin il-Medialink tilfet mat-€12.2 miljun, li €4 miljun minnhom intilfu fl-aħħar sentejn biss. Dan fid-dagħdigħa ta’ Simon Busuttil li jirbaħ l-elezzjoni ġenerali u dik ta’ Adrian Delia warajh, li konxju mill-fatt li bħala Kap qed ibati mill-inqas appoġġ fl-istorja fost in-Nazzjonalisti jrid jieħu inizjattivi biex jintgħoġob magħhom ikun xi jkun ir-riżultat finanzjarju tal-istazzjon.
It-€12.2 miljun li għandhom f’dejn l-azjendi tal-PN ma jinkludux id-dejn tal-Partit Nazzjonalista biex meta magħduda flimkien ir-riżultati juru li d-dejn jaqbeż l-€20 miljun.