Is-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali ħabbar li ż-żmien ta’ stennija għas-sussidju tal-Gvern ser jonqos għal erba’ ġimgħat. Dan ser ikun possibbli permezz ta’ tħaffif fil-proċess tal-għoti tas-sussidji tal-kera.
Matul l-2017 l-Awtorità tad-Djar irċeviet 1,016 applikazzjoni għall-iskema l-ġdida tas-sussidju tal-kera. L-iskema tapplika għall-kera mħallsa fis-settur privat minn persuni bi dħul baxx għal postijiet mikrija bħala residenza ordinarja.
Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qal li hu konxju dwar l-isfidi u l-problemi li jiltaqgħu magħhom l-applikanti li jkollhom dħul baxx, u b’hekk, din il-miżura tfisser li l-għajnuna tal-Gvern tkun immedjata u ma żżidx mal-piżijiet tal-applikant. Kif ukoll, irringrazzja lit-tmexxija u lill-impjegati tal-Awtorità tad-Djar għall-kooperazzjoni tagħhom biex din il-bidla setgħet isseħħmill-bidu ta’ dan ix-xahar.