Is-surplus fil-finanzi pubbliċi ma nissilx biss sens ta’ sodisfazzjon mill-familji li qed igawdu minn bosta skemi mħabbra mill-Gvern iżda wkoll mir-rappreżentati tal-imsieħba soċjali u persuni fil-qasam tan-negozju.
F’Business Breakfast imtella’ mill-Partit Laburista l-għada li l-Eurostat ħabbar li Malta għamlet surplus ta’ €250 miljun, iċ-Chairman tal-Grupp Chemimart Reginald Fava qal dan ir-riżultat qed jagħti stampa brillanti ta’ pajjiżna barra minn xtutna.
Qal li dan jagħti wkoll fiduċja lil dawk li jridu jinvestu u jiftħu n-negozju tagħhom f’Malta:
“Is-surplus li għandna aħna, pajjiżi oħra Ewropej meta tarahom, lanqas biss joħolmu bihom. Din hija xi ħaġa pożittiva ħafna u joħloq kunfidenza fil-pajjiż u kif miexi l-pajjiż”.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Unjoni Ħaddiema Magħqudin qal li laqa’ din l-aħbar, u sostna li issa l-UĦM se tħares ‘il quddiem biex dan il-ġid jitqassam b’mod xieraq lill-poplu:
“Li għandek ekonomija li qed tagħmel surplus huwa dejjem xi ħaġa pożittiva li qed jattira l-interess”.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi Sandro Chetcuti, qal li qal li s-settur tal-kostruzzjoni se jkompli jkabbar is-surplus. Qal li dan diġà rajnih wara t-tħabbira tal-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex, li bis-saħħa tiegħu, il-propjetà tal-Għawdxin se jiżdidilha l-valur għax Għawdex qed jiġbed aktar interess kemm mill-Maltin u anke mill-barranin:
“L-investitur barrani interessati ħafna fil-pajjiż mhux biss għaliex hawn surplus imma għaliex l-investiment huwa tanġibbli, huwa xi ħaġa li inti tista’ tmissha. Huwa investiment li se jieħu ritorn tagħha”.