It-tielet surplus konsekuttiv fil-kontijiet finanzjarji tal-gvern hu dovut għad-deċiżjonijiet ta’ dan il-gvern. Deċiżjonijiet li minkejja li jiswew il-flus qed joħolqu iżjed opportunitajiet.
Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat f’konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Ministru għal Finanzi Edward Scicluna fil-Berġa ta’ Kastilja. Qalu li dan is-surplus qed ikun strumentali għal diversi miżuri li minnhom qed jibbenefika l-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li mingħajr dan is-surplus il-gvern ma setax idaħħal miżuri ewlenin fosthom iċ-‘childcare’ b’xejn, rifużjoni tat-taxxa lil aktar minn mitejn u sebat elef ħaddiem u transport b’xejn għall-istudenti kollha. Spjega li minkejja li dawn il-miżuri jiswew il-flus qed joħolqu iżjed opportunitajiet.“Huwa permezz ta’ hekk li qed jiżdiedu l-pensjonijiet, huwa permezz ta’ hekk li qed jiżdiedu l-benefiċċji, huwa permezz ta’ hekk li qed nagħtu t-tax refund, huwa permezz ta’ hekk li qed jiżdiedu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema li sa ftit tas-snin ilu kienu qegħdin fil-prekarjat u fadlilna x’nagħmlu f’dan ir-rigward, huwa permezz ta’ hekk li qed inżiedu n-nefqa fl-infrastrutura ta’ pajjiżna u għalhekk ma nistgħux neħduh for granted,” qal Dr Muscat.
Il-Prim Ministru qal li s-surplus qed isir mhux għax il-Gvern mhux qed jonfoq, iżda għax mar għal strateġija ekonomikament izjed realistika. Filfatt spjega kif il-Gvern qed jara li d-dħul ipaċċi n-nefqa tiegħu, filwaqt li ma żied l-ebda taxxa ġdida.
“Id-dħul huwa aktar mill-ħruġ filwaqt li qed naqtaw it-taxxi u nżiedu l-benefiċċji. Huwa kisba kruċjali għall-ekonomija tagħna għal ħaddiema, għal middle class u n-nies tan-negozju kollha,” saħaq il-PM.
Il-Prim Ministru spjega li s-surplus ta’ din is-sena li hu t-tieni l-ogħla fl-Unjoni Ewropeja mhux daqstant qawwi daqs is-sena l-oħra, għax il-gvern żied in-nefqa tiegħu fi proġetti kapitali.
“Għandna surplus sostanzjali ta’ 2% jiġifieri aktar minn kwart ta’ biljun ewro, jiġifieri €250miljun. Dan minkejja li għamilna waħda jekk mhux l-akbar nefqiet fl-infrastruttura fl-istorja ta’ pajjiżna. Filfatt jekk tara ż-żieda fin-nefqiet kapitali fl-2018, kienet ta’ 50% mis-sena ta’ qabel, jiġifieri konna nirreġistraw ‘surplus’ ta’ nofs biljun,” sostna Joseph Muscat.
Fl-ispjega tiegħu l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li minn deficit ta’ €250 miljun fl-aħħar sena ta’ Gvern Nazzjonalista li ddawwar f’surplus ta’ f’€250 miljun s-sena li għaddiet.
Il-Ministru Scicluna qal li jekk jitneħħa d-dħul mill-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, xorta waħda l-pajjiż jirreġistra surplus.
“Jiġifieri qed nuru li biex ineħħu kull dubju l-gvern kapaċi jieħu ħsieb it-‘targets’ tiegħu fiskali bil jew mingħajr l-iskema anke jekk qed tgħin ħafna sabiex jitnaqqas id-dejn tal-pajjiż kontra dak li kien issir fil-passat,” qal il-Ministru.
Il-Professur Scicluna qal li minkejja li d-dejn tal-pajjiż naqas minn 70% għal 46 fil-mija, il-gvern xorta waħda jrid jissellef. Madankollu qal li dan is-surplus qed jgħin biex il-pajjiż iħallas anqas f’imgħaxijiet.
http://www.one.com.mt/2019/04/23/malta-bsurplus-ta-e251-miljun-fl-2018-it-tielet-surplus-konsekuttiv-u-tieni-l-akbar-fl-ue/