Waqt il-programm Għandi Xi Ngħid fuq Radju Malta, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar kif is-surplus irreġistrat f’pajjiżna ġej minn bosta fatturi.
Mistoqsi mill-preżentatur Andrew Azzopardi jekk il-programm taċ-ċittadinanza b’investiment hux is-sors primarju tat-tkabbir ekonomiku, il-Prim Ministru wieġeb hekk.
Il-Prim Ministru qal li “Dwar din il-misnomer fil-fehma tiegħi fil-programm taċ-ċittadinanza b’investiment. L-ewwelnett bih jew mingħajru din is-sena s-surplus kien isir. Ħa nibdew minn dan il-punt. It-tieni punt li dan il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment huma 30% biss illi tal-provinjenti li jintefqu fuq in-nefqa tal-Gvern. Is-70% l-oħra jiġu mġemgħin.”
Il-Prim Ministru spjega kif sa issa saru żewġ investimenti mill-programm taċ-ċittadinanza b’investiment.
Wieħed fejn il-Gvern xtara ishma f’bank lokali u ieħor fejn inxtara apparat ta’ miljun ewro biex jintuża għal kura tal-qalb.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat, li fi tmiem il-programm ikkonferma li huwa mhux se jkun qed jikkontesta elezzjoni ġenerali oħra wara żewġ leġislaturi fil-Gvern, tkellem dwar ir-riformi Kostituzzjonali.
Huwa saħaq li għandha tkun il-President li tmexxi l-Konvenzjoni Kostituzzjonali filwaqt li ma eskludiex li l-poplu għandu jiġi konsultat fid-dawl tal-bidliet proposti għall-Kostituzzjoni ġdida.
Muscat qal “Jien ngħid ukoll li jekk ikun hemm sitwazzjoni ta’ bżonn ta’ mandat b’saħħtu ma neskludiex lanqas referendum f’mument minnhom. Għal mandat ta’ Kostituzzjoni totalment ġdida jew b’ħafna elementi ġodda.”
F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru tkellem fuq kif il-Gvern għandu mandat b’saħħtu biex jilleġiżla dwar il-vot ta’ sittax-il sena. Hawnhekk saħaq li din il-kwistjoni kienet fil-programm elettorali tal-Partit Laburista u l-Gvern qed iżomm kelmtu fuqha.
Tul l-intervista, Joseph Muscat ġie mistoqsi wkoll dwar it-tilwima industrijali li għandha l-Assoċjazzjoni Medika Maltija. Qal li huwa kieku kien jifhem lil MAM li tressaq it-tħassib u l-oġġezzjonijiet tagħha waqt li l-Gvern kien għaddej bit-taħdidiet ma’ Vitals Global Healthcare u mhux issa wara li ġie finalizzat kollox.
Il-Prim Ministru spjega kif kullħadd qed jaqbel li Steward Healthcare għandha reputazzjoni tajba fid-dinja medika u li b’dan it-trasferiment lejn din il-kumpanija Amerikana se jgawdi kullħadd.