Wara 30 sena mill-ewwel rappreżentazzjoni tagħha, Is-Surmast – il-play maħbuba ta’ Trevor Zahra – se terġa’ tittella’ fit-Teatru Manoel bejn l-4 u s-6 ta’ April 2025. Dan id-dramm-kummiedja se jkun taħt id-direzzjoni ta’ Joseph Galea, b’Charles Sammut fir-rwol prinċipali.
Is-Surmast hija bbażata fuq ir-rumanz klassiku ta’ Zahra u tħares lejn il-ħajja eċċentrika ta’ Carmelo Ciantar, surmast primarju li jmexxi l-iskola tiegħu skont il-kapriċċi personali u l-fidi sħiħa f’Santa Filomena. Kollox kien sejjer ħarir sakemm ħabiba antika tal-familja tidħol lura fix-xena u ġġib taqlib sħiħ fil-ħajja tiegħu.
Il-cast jinkludi lil Mario Spiteri (Snitz), Andre Mangion, Ryan Mark Debattista, Antonella Galea Loffreda, Marceline Galea, Anthony Ellul, Claudia Mizzi u Emanuel Cassar, flimkien ma’ studenti żgħar fir-rwoli tat-tfal. Il-mużika oriġinali hija komposta minn Albert Garzia.
Trevor Zahra, wieħed mill-aktar kittieba rinomati f’Malta, huwa rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb ta’ Lifetime Achievement (2020) u għandu aktar minn 130 pubblikazzjoni f’ismu. Is-Surmast tibqa’ waħda mill-aktar xogħlijiet popolari tiegħu.
Id-dramm se jsir fit-Teatru Manoel mis-4 sas-6 ta’ April, bil-prezzijiet tal-biljetti bejn €10 u €30. Rappreżentazzjonijiet isiru fis-19:30, filwaqt li nhar ta’ Ħadd hemm ukoll matinée fis-15:30. Biljetti jistgħu jinxtraw minn teatrumanoel.mt jew mill-Box Office tat-Teatru Manoel, Belt Valletta.
