Is-Surġent Cherise Camilleri ta’ 28, baqgħet tinżamm arrestata wara li tressqet il-Qorti akkużata bi żvelar ta’ informazzjoni fosthom b’rabta ma’ rejds li kellhom isiru lill-persuni dwar diversi investigazzjonijiet.
Fil-Qorti, is-Surġent, li taħdem fi ħdan l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, fost l-oħrajn ġiet mixlija li kienet parti minn organizzazzjoni kriminali, ġiet imxaħħma fil-kors tax-xogħol tagħha bħala uffiċjal pubbliku, ħarġet informazzjoni kunfidenzjali u b’ħasil ta’ flus.
Quddiem il-Maġistrat Victor Axiak, il-Prosekuzzjoni spjegat li daħlitilha informazzjoni li hemm uffiċjal fi ħdan l-iskwadra ta’ kontra d-Droga, li għal xhur sħaħ bdiet toħroġ l-informazzjoni lill-terzi persuni. Hawn intqal, li mill-informazzjoni li waslitilha, il-persuna li kienet qed tgħaddi l-informazzjoni kienet mara u kellha tpinġija ma’ idha.
Minn hemm imbagħad bdiet investigazzjoni fi ħdan l-Iskwadra tal-Pulizija fejn instab li l-persuna kienet is-Surġent Cherise Camilleri. L-istess investigazzjoni wriet ukoll kif is-Surġent u wieħed mill-persuni involuti fl-Investigazzjoni tal-Pulizija kienu anke ħbieb fuq Facebook u Instagram.
Il-Prosekuzzjoni kompliet tgħid li wara nħareġ mandat ta’ tfittxija fil-konfront ta’ Cherise Camilleri fejn ġiet arrestat fil-police compound f’St. Andrew fit-18 ta’ Novembru. Kien hawn li tteħdilha l-mobile, filwaqt li din ċaħdet l-akkużi fil-konfront tagħha.
Madankollu, il-pulizija sabu li kien hemm kuntatt bejn l-istess Camilleri u persuna ta’ interess fl-investigazzjoni tal-pulizija, fejn Camilleri għaddiet informazzjoni b’rabta ma’ rejd li kellhom isiru u li anke saru fil-passat.
B’rabta ma dan il-każ ġie arrestat ukoll raġel ieħor, fejn mill-mobile tiegħu nstab li kien f’kuntatt ma’ Camilleri dwar għadd ta’ operazzjonijiet tal-Pulizija.
Camilleri ġiet arrestat għat-tieni darba fil-21 ta’ Novembru, filwaqt li nhar il-Ġimgħa li għadda ġiet anke sospiża.
Id-Difiża ma ikkontestax il-validità ta’ arrest.
Hija wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrija filwaqt li ma talbitx għal ħelsien mill-arrest.
Fi stqarrija, il-Korp tal-Pulizija saħaq li ma jittollera ebda abbuż, ikun min ikun, anke minn membri tiegħu stess.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Maria Francesca Spiteri u Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, assistiti mill-Ispetturi Christina Delia u Lydon Zammit.