Angelo Gafa ngħata l-ittra tal-ħatra bħala l-Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela, dan wara sejħa pubblika li ħarġet fl-aħħar xhur għal din il-kariga li ġiet segwita minn proċess tal-għażla. Is-Sur Gafa ser ikun responsabbli mill-amministrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija, u flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija se jaħdem biex tiġi implimentata l-viżjoni tal-Korp. Filwaqt li l-Kummissarju tal-Pulizija se jkun jista’ jiddedika aktar il-ħin tiegħu lejn l-investigazzjonijiet, il-Kap Eżekuttiv se jiffoka fuq il-prijoritajiet organizzattivi u prattiċi effettivi fl-immaniġjar tar-riżorsa umana.
Il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela qal li din il-il-pożizzjoni maniġerjali ġdida se tkun qed tgħin fl-immodernizzar tal-istruttura tal-Korp. Is-Sur Angelo Gafa għandu 37 sena, u ilu jservi fil-Korp tal-Pulizija għal dawn l-aħħar erbatax-il sena. Fl-2004 huwa kien ġie kkummisjonat bħala Spettur fi ħdan it-Taqsima ta’ Kontra r-Reati Ekonomiċi. Għal dawn l-aħħar tliet snin u nofs huwa kien issekondat mas-Servizzi tas-Sigurtà Maltija, bl-aħħar kariga tkun dik ta’ Assistent Kap. Qabel ma ssieħeb mal-Korp tal-Pulizija s-Sur Gafa serva bħala Second Lieutenant mal-Forzi Armati ta’ Malta, bejn l-2001 u l-2003.
Huwa kien ġie l-ewwel fir-reklutaġġ, kemm tal-Forzi Armati ta’ Malta u dak tal-Pulizija. Is-Sur Angelo Gafa gradwa b’first class honours mill-Università ta’ Malta fl-2001 fil-Baċellerat tal-Kummerċ (Honours) fl-Immaniġjar tas-Settur Privat u Pubbliku. Huwa gradwa wkoll b’żewġ Masters, b’Master of Arts in Public Policy b’distinzjoni mill-Università ta’ Malta fl-2008, u Master of Science in Security and Risk Management mill-Università ta’ Leicester fl-2014. Is-Sur Gafa kiseb ukoll ċertifikat fuq is-settur tal-Pulizija li huwa temm b’suċċess b’distinzjoni mill-Università ta’ Malta fl-2004. Mal-ħatra tiegħu s-Sur Gafa qal li huwa qed iħares ’il quddiem lejn din il-kariga b’determinazzjoni bl-għan għal iżjed Korp tal-Pulizija effettiv, Korp li bih iċ-ċittadin iħossu aktar protett.
Ritratti: MHAS