Rapport rivedut tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar is-suq tax-xogħol bejn l-2012 u l-2017, juri li żdiedu b’aktar minn 47,000 il-persuni li kienu qegħdin jaħdmu.
Ir-rapport juri li waqt li fl-2012 kien hemm ftit aktar minn 173,000 ruħ b’impjieg, fl-aħħar tal-2017 kien hemm jaħdmu aktar minn 220,000 ħaddiem
Miċ-ċifri joħroġ li r-rata ta’ attività tal-ħaddiema żdiedet b’aktar minn 8% minn kważi 64% fl-2012 għal aktar minn 72% matul is-sena li għaddiet.
L-NSO qal li din iż-żieda fis-suq tax-xogħol hija attribwita l-aktar għal żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Fil-fatt waqt li l-parteipazzjoni tal-irġiel żdiedet bi kważi ħamsa fil-mija, dik tan-nisa żdiedet bi 11.4 fil-mija.
L-istħarriġ juru li l-ammont ta’ nisa li kellhom impjieg full-time żdied minn 47,000 fl-2012 għal kważi 66,000 fl-2017.
Bħala medja, matul dawn l-aħħar sitt snin, 20% tal-ħaddiema kienu qegħdin jaħdmu fis-settur tas-servizzi waqt li 17% kellhom xogħol professjonali.
L-istħarriġ li juża kejl differenti mir-rekord tan-nies jirreġistraw għax-xogħol mal-Jobs Plus juri matul l-istess perjdou, ir-rata ta’ qgħad naqset bi 2.2%, minn 6.2% fl-2012 ghal 4% matul l-2017.
Joħroġ ukoll li bejn l-2012 u l-2017, l-għadd ta’ persuni li kellhom livell minimu ta’ edukazzjoni naqas b’9.1% filwaqt li żdiedu dawk b’livell medju u għoli ta’ edukazzjoni.