Stħarriġ tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juri li għall-ewwel darba r-rata ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol telgħet għal aktar minn wieħed u sebgħin fil-mija.
In-nies jaħdmu sal-aħħar ta’ Marzu li għadda kienu jgħoddu ftit aktar minn mitejn u sbatax-il elf li jirrappreżentaw aktar min-nofs il-popolazzjoni tal-Maltin u l-Għawdxin li għandhom aktar minn ħmistax-il sena.
Il-persuni meqjusa bla xogħol kienu jgħoddu kwazi disat elef u disgħa mija, jew ta’ tnejn punt ħamsa fil-mija tal-popolazzjoni li tista’ taħdem.
Iċ-ċifri tal-Labour Force Survey juru wkoll li bis-saħħa tal-inċentivi li daħħal il-Gvern bħal dik taċ-childcare b’xejn għal kulħadd, id-distakk bejn in-numru ta’ ħaddiema rġiel u nisa fis-suq tax-xogħol qed ikompli jonqos u issa niżel għal tnejn u għoxrin punt sitta fil-mija.
Mill-istħarriġ jirriżulta wkoll li sal-aħħar ta’ Marzu kważi mija u sebgħa u tmenin elf kellhom impjieg full time waqt li aktar minn tletin elf kellhom impjieg part time.
Joħroġ ukoll li l-ħaddiema full time bħala medja jaħdmu ġimgħa xogħol ta’ ftit aktar minn wieħed u erbgħin siegħa, filwaqt li l-ħaddiema b’impjieg part time jaħdmu medja ta’ ftit aktar minn tlieta u għoxrin siegħa fil-ġimgħa.
Joħroġ ukoll li bħala medja s-salarji f’Malta komplew jiżdiedu u issa telgħu għal 18-il elf u sitt mitt ewro fis-sena. Is-salarji bħala medja jvarjaw bejn erbgħa u tletin elf, mitejn, wieħed u disgħin ewro fis-sena għal managers għal tnax-il elf, disgħa mija, tnejn u għoxrin ewro għal ħaddiema b’xogħol bażiku.
L-istħarriġ ta ħarsa wkoll lejn il-livell edukattiv tal-ħaddiema Maltin. Hawnhekk jirrizulta li aktar minn tlieta u ħamsin fil-mija għandhom livell baxx ta’ edukazzjoni b’inqas minn ħames ċertifikati fil-livell ordinarju waqt li kważi tletin fil-mija tal-ħaddiema għandhom edukazzjoni fil-livell terzjarju.