- JOĦORĠU DIVERSI SEJĦIET GĦAX-XOGĦOL
Is-Suq tal-Belt se jerġa’ jkun sors ta’ ħajja u impjiegi.
Dan huwa wieħed mill-proġetti kbar ta’ restawr li hemm għaddejjin fil-Belt u minbarra li se jerġa’ joffri dehra maestuża lis-sit, il-post se jerġa’ jagħti opportunità ta’ impjieg lil ħafna tant li qed isiru sejħiet f’iktar minn 20 pożizzjoni differenti b’uħud minnhom hemm bżonn diversi persuni għall-istess pożizzjoni. Fil-fatt meta s-Suq tal-Belt ikun qed jaħdem għalkollox kif pjanat se jaħdmu fih madwar 140 persuna.
Fost oħrajn hemm bżonn persuni fil-qasam tal-ikel u x-xorb anke għaliex is-sular ta’ isfel tas-suq se jieħu l-istil ta’ swieq tal-ikel li naraw fl-isbaħ u l-ikbar bliet fl-Ewropa, fosthom dak ta’ Madrid.
Ix-xogħol biex ikun riabilitat dan il-bini ikoniku fil-Belt Valletta issa ilu għaddej għal bosta xhur u din il-gazzetta tista’ tikkonferma li bħalissa jinsab fl-aqwa tiegħu. Biex il-mira li jkun lest sal-aħħar ta’ din is-sena tintlaħaq b’mod li għal żmien il-festi tal-Milied ikun miftuħ. L-operat tal-post kien fdat lil Arkadia Group b’ċens ta’ 65 sena. Dan wara riżoluzzjoni tal-Parlament li kienet approvata b’mod unanimu. Il-proġett qed isir b’investiment ta’ €10 miljun u l-binja skedata fi grad wieħed għandha l-filosofija ta’ Cook. Eat. Relax.
L-ewwel sular se jkun suq tal-ikel, bi ħwienet ta’ ikel frisk. Imbagħad se jkun hemm sular għal ristoranti li jispeċjalizzaw f’tipi ta’ ikel differenti kif ukoll bars. Is-sular ta’ fuq hu pjanat fuq il-kunċett ta’ spazju miftuħ fejn wieħed jista’ jirrilassa u jissoċjalizza. Dan huwa sular maħsub ukoll għal avvenimenti kulturali bħal ngħidu aħna esebizzjonijiet, mużika live u anke diskussjonijiet.
Kollox qed isir tal-ogħla livell u fil-proġett hemm is-sehem ta’ periti Taljani li ntgħażlu wara sejħa internazzjonali u li għandhom esperjenza fi proġetti simili. Magħhom hemm numru ta’ periti Maltin fosthom esperti fir-restawr fejn kulħadd qed jaħdem id f’id anke bl-involviment tas-sovrintendenza tal-wirt kulturali. Ix-xogħol fuq ir-restawr tal-proġett jinvolvi mad-90 ħaddiem.
Dan hu post li se jiftaħ sebat ijiem fil-ġimgħa u żgur li se jinżel għasel fis-sena li l-Belt Valletta tkun il-Belt Kulturali Ewropea.