“Xi ġmiel, x’memorji. Vera sabiħ! U kollox hawn…” Dawn huma biss ftit mill-ħafna kummenti pożittivi li qed jgħidu dawk il-persuni li qed iżuru s-Suq tal-Belt.
F’Sibt xemxi u mill-isbaħ bosta rħewlha lejn il-Belt Valletta fejn flimkien mal-familja żaru s-Suq tal-Belt il-ġdid. Dan hekk kif ftit tal-jiem ilu nfetaħ b’mod uffiċjali s-Suq tal-Belt wara investiment ta’ 14-il miljun ewro. Dan sar bħala parti mir-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta u ċ-ċelebrazzjoni għas-sena Ewropea tal-Kultura 2018.
Kull min iżur is-Suq tal-Belt se jkun jista’ jixtri prodotti friski bħal laħmijiet, ġobnijiet, prieżet, frott, ħxejjex u ħwawar fost oħrajn. Iżda apparti minn hekk, wara xirja tal-bżonnijiet, wieħed se jkun jista’ wkoll ipoġġi flimkien ma’ familtu jiekol xi ħaġa mit-tnax il-kċina miftuħa f’ terran arjuż. B’ikel minn kull parti tad-dinja, żgur mhux forsi l-għażla hi varja minn ikel Taljan, għall-kebab Tork, u ma jonqosx l-ikel tradizzjonali Malti.