Wara sena u xahrejn ta’ ħidma estensiva minn madwar 150 ħaddiem wasal fi tmiemu l-proġett ambizzjuż tas-suq tal-Belt, proġett li wara snin twal ta’ telqa issa reġa’ ħa l-ħajja mill-ġdid b’komponenti oriġinali li jmorru lura snin u oħrajn innovattivi.
Bħali parti mir-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta u preparazzjoni għas-sena Ewropea tal-Kultura fl-2018, il-grupp kummerċjali Arkadia se jerġa’ jiftaħ il-bibien tas-suq tal-Belt, binja ta’ żmien l-Ingliżi li tmur lura madwar 160 sena.
Huwa għalhekk li biex dan il-post jibqa’ wieħed ikoniku l-ħsieb tal-grupp kien li kemm jista’ jkun kollox jibqa’ oriġinali b’restawr puntwali u ta’ min japprezza fuq dak li ħallew l-Ingliżi fosthom ta’ metall fondut, arkati tal-ġebel u ċisterni tal-ilma.
Bi stil monokromatiku, jiġbed l-għajn il-kulur kannella tat-twieqi tal-injam. Żgur mhux forsi jispikkaw ukoll il-bankarelli tradizzjonali li minnhom dawk kollha li jidħlu f’dan is-suq se jkunu qed jixtru prodotti friski bħal laħmijiet, ġobnijiet, prieżet, frott, ħxejjex u ħwawar fost oħrajn.
Iżda wara xirja, tkun pjaċevoli li tista’ tpoġġi fuq mejda tieħu xarba friska u dduq xi ħaġa tajba mit-tnax il-kċina miftuħa f’ terran arjuż. Kċejjen li ġejjin minn bosta pajjiżi b’ ikel bħal għaġin u l-pizza Taljana, l-paiella Spanjola, il-kebab Tork u fuq kollox ikel tradizzjonali Malti wkoll.
Ftit jiem oħra se jkun qed jinfetaħ ukoll is-sular ta’ fuq li fih se jkun hemm spazju miftuħ biex fih jittellgħu attivitajiet kulturali biex tkompli titqanqal l-kultura Maltija u s-suq joffri wkoll sens ta’ spettaklu u divertiment.
Dan kollu u aktar jagħmel is-suq Malti post ieħor fil-Belt Valletta ta’ ħarġa li minkejja li jfakkar bosta nies fi tfulithom, qiegħed jibni legat ġdid ta’ Belt li kulma jmur dejjem qed tiġġedded u tissebbaħ.