Wara l-ħidma li l-Kummissjoni Maltija tal-films għamlet biex tattira produzzjonijiet lejn pajjiżna mill-Ewropa, l-Amerka u r-Russja, fost oħrajn, issa għaddejja b’kampanja ta’ reklamar biex tattira produtturi mill-Indja.
B’rabta ma’ din il-kampanja delegazzjoni Maltija mill-Kummissjoni għall-films żaret suq prominenti f’Mumbai, l-Indja. Fi tlett ijiem id-delegazzjoni kellha ċ-ċans li titkellem u tibni relazzjoni ma’ produtturi tal-films mill-akbar industrija tal-films fid-dinja. L-isforzi tal-Kummissjoni qed jiġu appoġġjati mill-Kummissjoni ta’ New Delhi.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li l-inizjattivi u l-kampanji ta’ reklamar riċenti li qed tagħmel il-Kummissjoni tal-films qed iwaslu għal riżultati tanġibbli. “Malta tista’ tibbenefika ħafna minn produzzjonijiet Indjani hekk kif dawn iwaslu għal aktar investiment fl-infrastruttura lokali tal-films filwaqt li jservu ta’ reklam għal pajjiżna bħala destinazzjoni turistika mill-isbaħ,” temm jgħid il-Ministru.