Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal dalgħodu li l-UE għandha tagħti l-attenzjoni meħtieġa lill-politika diġitali Ewropea wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019 u wara t-twaqqif tal-Kummissjoni Ewropea ġdida. Dr Sant qal li l-proposta biex ikun hemm taxxa fuq id-dħul tal-ġganti Amerikani Google, Facebook u Amazon (magħrufin bħala GAFA) ma jidhirx li se timxi ‘l quddiem sal-aħħar tas-sena.
L-MEP kien qed jindirizza seminar dwar il-VAT u l-Ekonomija diġitali organizzat mill-‘Malta Institute of Management.’
Dr Sant qal li r-Renju Uniti qiegħed pass qabel l-UE fuq il-politika diġitali peress li skont il-budget Brittanniku tal-2019, ir-Renju Uiti se jintroduċi taxxa fuq il-bejgħ tal-ġganti tal-internet fit-territorju tiegħu. Dan l-aħbar issorprendiet lill-Brussell.
L-MEP Malti qal li fi Brussell isiru ħafna diskussjonijiet dwar ‘blockchain’, iżda l-burdata hija waħda prudenti kemm f’livell tal-Kummissjoni u tal-Bank Ċentrali Ewropew u anke fost l-istati membri.