Disa’ mexxejja Ewropej se jiltaqgħu f’Malta s-sena d-dieħla wara li, fi tmiem summit tal-MED 9 li sar f’Alicante, Spanja, tħabbar li l-laqgħa għolja li jmiss ta’ dawn il-pajjiżi jsir f’Malta s-sena d-dieħla.
Il-Med9 huwa struttura li tlaqqa’ flimkien pajjiżi tan-naħa ta’ isfel tal-Unjoni Ewropea, li huma Franza, Spanja, l-Italja, il-Portugall, il-Kroazja, Ċipru, il-Greċja, is-Slovenja, u Malta.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li se jkun unur għal Malta li tospita din il-laqgħa għolja proprju fl-għaxar sena tagħha. “Inħares ’il quddiem biex nilqagħkom f’Malta biex inkomplu dan id-djalogu,” qal il-Prim Ministru f’konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-mexxejja tat-tmien pajjiżi l-oħra.
“Huwa s-suċċess tal-koperazzjoni tagħna li jwassal biex nibqgħu nsibu s-soluzzjonijiet,” kompla jgħid il-Prim Ministru Abela.
L-enerġija u l-ekonomija kienu fost it-temi għad-diskussjoni bejn il-mexxejja ta’ dawn il-pajjiżi tul żewġ sessjonijiet li saru matul il-jum tal-Ġimgħa.
“Iċ-ċittadini u n-negozji tagħna jixirqilhom soluzzjoni għat-tul u soluzzjonijiet robusti,” insista l-Prim Ministru Robert Abela meta tkellem dwar is-settur tal-enerġija. Huwa qal li dan hu l-messaġġ ċar li għandu jintbagħat anke lill-Kummissjoni Ewropea.
Huwa enfasizza wkoll il-bżonn tal-konnettività fin-netwerks Ewropej, fosthom permezz ta’ infrastruttura tal-futur bħal dik ta’ impjanti tal-enerġija li kapaċi jaħdmu wkoll bl-idroġenu. “Li nħaffu l-investiment fl-enerġija rinnovabbli huwa wkoll kruċjali biex innaqqsu d-dipendenza minn fuq sorsi tal-enerġija li jiġu minn barra l-Unjoni Ewropea,” qal il-Prim Ministru, filwaqt li enfasizza l-bżonn li fl-immedjat il-konsumatur jibqa’ jkun megħjun.
Malta hija waħda mill-aqwa eżempji ta’ din l-għajnuna u għalhekk illum pajjiżna għandu fost l-inqas rati ta’ inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea.
Għal darb’oħra, il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza l-ħtieġa tal-paċi u l-istabbiltà fil-Mediterran u semma li dan jista’ jinkiseb billi kulħadd jaħdem flimkien f’oqsma ta’ interess komuni bħall-bidla fil-klima, l-enerġija, il-paċi, is-sigurtà u l-migrazzjoni.
B’rabta mal-migrazzjoni, il-prim ministru reġa’ enfasizza fuq politika li tħarbat il-mudell tat-traffikanti tal-bnedmin għax dawn huma gruppi kriminali li japprofittaw mill-vulnerabilità tal-migranti. F’dan il-kuntest, reġa’ insista għall-appoġġ lill-poplu Libjan.
Intant, meta rrefera għall-irwol li se tieħu Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta se taħdem għall-ġid komuni u rrefera b’mod partikulari għal oqsma importanti bħat-tibdil fil-klima.