Is-suldati se jitħallsu tas-sigħat żejda li jaħdmu waqt l-emerġenza tal-pandemija.
Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-gvern waqt laqgħa li kellu l-Ministru għall-intern u s-sigurtà nazzjonali Byron Camilleri mat-taqsima li tirrappreżenta lill-Forzi Armati ta’ Malta tal-General Workers’ Union. Preżenti kien hemm it-tmexxija tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Il-Forzi Armati ta’ Malta huma l-uniku korp dixxiplinat li l-membri tiegħu ma jitħallsux tas-sigħat żejda li jaħdmu. Dan kuntrarju għal ħaddiema f’entitajiet u f’korpi dixxiplinati oħra.
Għaldaqstant, is-suldati se jieħdu allowance għal kull siegħa żejda li jaħdmu wara s-sigħat mitluba.
Bħalissa s-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta qed jgħassu erbgħa u għoxrin siegħa kuljum iċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far u jqassmu l-ikel lil dawk li jkunu qegħdin fi kwarantina u ma jkollhomx min jixtrilhom l-ikel.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li l-gvern huwa konxju tas-sagrifiċċji l-membri tal-Armata.
“Fl-aħħar sigħat bi qbil mal-Prim Ministru qbilna li kollha se jitħallsu tas-sigħat żejda li se jkunu qed jaħdmu nirringrazzjhom tax-xogħol tagħhom.” Stqarr il-Ministru Camilleri.