Mill-jum tal-Erbgħa is-suldati bdew jirċievu l-arretrati dovuti lilhom wara li ġie ffirmat l-ewwel ftehim kollettiv għall-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Permezz ta’ dan il-ftehim, li kien iffirmat ftit tax-xhur ilu, il-Gvern qed jinvesti tmien miljun u mitejn elf ewro aktar fis-sena fil-pagi tas-suldati.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri nnota li fl-aħħar snin saru investimenti kbar fl-armata, madanakollu dan il-ftehim se jinċentiva lill-Membri tal-Forzi Armati biex ikomplu jagħmlu s-servizz tagħhom bil-qalb.
Huwa qal, “Illum dawn l-istess ħaddiema rċevew l-arretrati li huma dovuti lilhom skont dak il-ftehim kollettiv, u llum jistgħu jgħarrfu aħjar l-impenn illi kellu u għad għandu dan il-Gvern, li nkunu spalla ma’ spalla mas-suldati tagħna f’kull ħin tal-ħidma tagħhom għal pajjiżna.”
Permezz ta’ dan il-ftehim madwar 1,750 suldat minn grad ta’ gunner sa maġġur se jirċievu eluf t’ewro f’arretrati, liema aħbar intlaqgħet b’mod tajjeb mill-General Workers Union.
Huwa stqarr: “Dalgħodu qomna b’għexieren ta’ messaġġi ta’ ringrazzjamenti minn suldati li fl-aħħar saret il-ġustizzja magħhom wara tant snin, snin twal b’kundizzjonijiet verament inferjuri.”
Fi żmien li ġej il-Forzi Armati ta’ Malta se toħroġ sejħa għal suldati ġodda.
Il-Ministru Camilleri ħajjar lil dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jkunu ta’ servizz għal pajjiżhom biex jikkunsidraw karriera f’dan il-korp dixxiplinat.