Erbatax-il student tal-ħames sena sekondarja mill-kulleġġ Santa Tereża lestew b’suċċess l-ewwel programm ta’ Skills Kits fil-kulleġġ Malti għall-arti, x-xjenza u t-teknoloġija, l-MCAST.
Dan huwa programm li tnieda f’Ottubru tas-sena li għaddiet bil-għan li jipprovdi opportunita’ lill-istudenti biex jiskopru vokazzjonijiet differenti u jistudjaw bil-pass tagħhom.
Skills Kits huwa magħmul min-numru ta’ korsijiet qosra ta’ 20 siegħa ‘l wieħed li jinkludu ħiliet personali kif ukoll jiprovdu taħriġ għall-ħiliet li jippreparaw l-istudenti Maltin għad-dinja tax-xogħol.
L-istudenti li tkellmu magħna, esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għall-mod kif isir it-tagħlim filwaqt li joffri aktar esperjenza prattika minn dik tradizzjonali.
Dawk li segwew dan il-korsijiet kienu seba’ studenti tal-ħames sena sekondarja mill-iskola sekondarja tal-Imrieħel li lestew il-programm ta’ Skills Kits fix-xagħar u s-sbuħija. Filwaqt li s-seba studenti l-oħra kienu subien mill-iskola sekondarja ta’ Santa Venera li lestew il-programm Skills Kits fl-Isport.
Dan il-programm se jkun qed jidħol fit-tieni fażi tiegħu, biex b’hekk dawn l-istudenti jkompli jsegwu dan it-taħriġ vokazzjonali qabel jtemmu l-istudji sekondarji tagħhom.