Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo u l-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona żaru kumpanija fiż-żona industrijali tal-Marsa fejn iltaqgħu mad-Diretriċi tas-Silvercraft Angel Xerri u l-impjegati fi ħdan din l-istess kumpanija. Is-Sinjura Xerri ilha tmexxi n-negozju tal-familja għal aktar minn erbgħin sena b’suċċess u tħeġġeġ aktar nisa, li għalkemm ikollhom familja xorta waħda huwa possibbli jikkunsidraw karigi għolja f’tipi diversi ta’ negozji.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo stqarr li għalkemm rajna żieda fiċ-ċifri tan-nisa li sabu impjieg, bl-ammont jaqbeż it-tmintax-il elf ruħ fl-aħħar erba’ snin, hemm il-ħtieġa li mhux biss jiżdiedu n-nisa fid-dinja tax-xogħol iżda li jkunu ambizzjużi aktar biex jimmiraw u jilħqu karigi għolja fis-setturi kollha.
Il-Ministru Bartolo żied jgħid li ż-żieda ta’ 32% tan-nisa fid-dinja tax-xogħol mill-2012 ’il hawn ma ġietx b’kumbinazzjoni imma għax dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ favur in-nisa li huma ugwali u li għandhom potenzjal daqs l-irġiel, għaldaqstant ħdimna biex daħħalna diversi miżuri biex ninċentivaw lin-nisa jsibu impieg jew jirritornaw fid-dinja tax-xogħol bl-ewwel miżura li ntlaqgħet b’mod tajjeb hija dik taċ-Childcare b’xejn.
Il-Ministru stqarr li għalkemm saru avvanzi kbar f’oqsma tax-xogħol kemm dak edukattiv u taħriġ fix-xogħol, kif ukoll qed naraw li l-bniet qegħdin jigradwaw aktar mill-ġuvintur, hemm bżonn ta’ aktar nisa f’setturi bħall-inġinerija, fit-tekonoloġija u fil-matematika. Hu kompla jgħid li għalkemm għad fadal sfidi ta’ preġudizzji, dawn jiġu eliminati u nkomplu naħdmu aktar mill-att edukattiv biex inbiddlu l-mentalità.
Ta’ min wieħed jinnota li llum in-numru ta’ nisa jirreġistraw huwa erba’ darbiet inqas milli kien mal-bidla fil-Gvern fl-2013. Dan huwa proporzjonalment iktar mit-tnaqqis fin-numru tal-irġiel qiegħda li llum huwa tlett darbiet inqas milli kien fl-2013. Dawn iċ-ċifri juru kemm il-Gvern ħadem u ser ikompli jaħdem biex aktar nisa isibu impjieg.
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona stqarr kif in-negozji jistgħu jibbenefikaw biss billi jiġbdu b’suċċess kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa fil-kumpaniji tagħhom hekk kif huwa fatt stabbilit li l-organizzazzjonijiet bl-ikbar diversità tas-sessi jaqbżu lil dawk bl-inqas. Tagħmel sens kbir ukoll għan-negozju, li jiggwadanja vantaġġ kompetittiv fit-tul billi jiġbed u jżomm l-aqwa talent, irrispettivament mis-sess tagħhom.
Il-Ministru Cardona qal ukoll kif aktar nisa f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija jista’ jkollhom effett pożittiv fuq kulturi inklussivi fuq il-post tax-xogħol u jservu ta’ mudelli u mentors lil nisa iżgħar. Il-Gvern huwa kommess li jmexxi bl-eżempju f’dan ir-rispett ukoll, billi jsaħħaħ l-irwol tan-nisa f’livelli għolja fi ħdan is-settur pubbliku.
B’iktar nisa fid-dinja tax-xogħol, u iktar nisa f’pożizzjonijiet għolja, nkunu nistgħu naraw iktar għeluq tad-differenza bejn is-sessi. Din hija parti ċentrali fl-istrateġija ta’ dan il-gvern biex tinħoloq ekonomija u soċjetà aktar sostenibbli, inklussiva, kif ukoll ġusta.