L-investiment permezz tal-migrazzjoni qed tikkrea għarfien ġdid fuq il-kummerċ, esperjenzi, ħiliet u fondi ġodda li qegħdin jikkontribwixxu fis-soċjeta tagħna billi joħolqu negozji u żieda fin-numru ta’ impjiegi fost oħrajn.
Dan saħqu l-Prim Ministru, Joseph Muscat waqt il-konferenza dwar l-immigrazzjoni, Uglobal f’Los Angeles. Kompla billa stqarr li l-proċess rigoruż ta’ verifikazzjoni tal-persuni għaċ-ċittadinanza Maltija huwa r-raġuni ewlenija għaliex din l-inizzjattiva kellha daqstant suċċess. Minkejja dan, għandna dejjem nistinkaw għat-trasparenza u governanza tajba fil-programmi kollha f’din l-industrija.
Il-Prim Ministru qal lil ditti barranin tal-immigrazzjoni preżenti għall-konferenza li jekk għandhom klijenti li qed ifittxu ftehim irħis, jistgħu jinsew lil Malta għaliex il-programm Malti huwa wieħed mill-aktar għaljin madwar id-dinja. Saħaq li min qed ifittex ftehim ta’ malajr għandu jfittex x’imkien ieħor flimkien ma’ dawk li ma jixtiequx li isimhom ikun ippublikat hekk kif Malta tippublika lista ta’ ċittadini ġodda permezz ta’ dan il-programm.
Il-Prim Ministru Malti saħaq li l-pajjiż mhuwiex qed jara flus iżda qed ifittex l-aqwa applikanti. Applikanti li jridu l-aqwa u ma jixtiequ xejn anqas.
Fuq kollox, il-Prim Ministru stqarr li Malta stabbiliet standard tad-deheb għall-industrija.