Il-kisbiet li rreġistra pajjiżna fl-aħħar xhur huma riflessi fil-messaġġ tal-Partit Laburista fit-toroq Maltin.
“L-inqas qgħad fl-istorja.”
“Żammejna l-ekonomija b’saħħitha.”
Dawn huma t-temi fuq il-billboards tal-Partit Laburista li qed jirreferu għal riżultati ekonomiċi pożittivi li Malta kisbet fl-ewwel xhur ta’ din is-sena.
Dawn l-indikaturi b’saħħithom dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżna, inkisbu minkejja r-restrizzjonijiet li kien għad hemm fis-seħħ marbuta mal-pandemija.
Kien il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, innifsu li spjega kif dawn ir-riżultati huma frott l-isforz ta’ Tim Malta.
Qal, “Tim Malta hu r-realta ta’ kif dan il-pajjiż għandu jimxi ‘l quddiem. Komunità waħda bid-diversi interessi. Xogħol il-gvern li jaqbad dawk l-interessi differenti u jkollok żewġ għażliet jew iġġib armonija bejniethom.”
Il-mod kif il-Gvern ħoloq din l-armonija bejn is-setturi differenti tas-soċjetà, l-imsieħba soċjali, min iħaddem u l-ħaddiema wassal biex il-pajjiż qed jibda jirkupra b’saħħa mix-xokkijiet ekonomiċi tal-pandemija.
U jkun fost l-ewwel pajjiżi li jagħmel dan.
Fit-tieni kwart tas-sena Malta rreġistrat rekord ta’ investiment, li kien saħansitra ikbar minn dak tas-sena ta’ qabel il-pandemija.
Il-qgħad niżel għal l-inqas rata li qatt kien u d-dħul tal-gvern żdied b’nofs biljun ewro, biex il-Prim Ministru baqa’ jkollu messaġġ ta’ kuraġġ u ottimiżmu għall-ġejjieni.