L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA, ippreżentaw is-suċċess li qed iġġib magħha l-kampanja ‘Stop The Hate’, li tnediet f’Novembru li għadda, b’kollaborazzjoni mal-Malta Football Social Responsibility u 26 klabb differenti tal-Amateur League.
L-għan ta’ din il-kampanja hija li twaqqaf l-abbuż, kemm online, verbali u anke fiżiku, mill-logħba tal-ballun darba għal dejjem. Dan filwaqt li jibqgħu jiġu promossi inizzjattivi dwar ir-responsabbiltà fil-futbol.
Fil-bidu tal-istaġun, waqt kull logħba li ntlagħbet, il-captains kollha tat-timijiet kienu lebsin faxxa bil-kliem, ‘Stop the Hate’.
Dwar din il-kampanja, ONE News tkellem ma’ Peter Busuttil, il-Kap tal-Football Social Responsibility fejn qal li din il-kampanja mhux biss hija għal dawk il-klabbs li huma parti minn din l-inizjattiva, iżda anke għall-komunitajiet ta’ madwarhom.
“Hija wkoll kampanja biex tħeġġeġ in-nies ikunu konxji ta’ kemm hu importanti li jneħħu l-mibgħeda mill-futbol, kemm minn fuq il-kamp tal-futbol, kemm min-nies, li jkunu qed isegwu l-logħba tal-futbol u anke fil-komunitajiet tagħna.”
Waqt din il-konferenza għadda messaġġ b’mod vitwali l-Kummissarju Ewropew Malti, Glenn Micallef, li fir-responsabbilità fost l-oħrajn għandu l-isport.