Il-kwistjoni tal-immigrazzjoni mhux problema ta’ Malta biss u għandha tibda tiġi indirizzata sabiex ikun jista’ jinħoloq pjan fit-tul. Dan sostnieh l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt li kien qiegħed jindirizza lill-Ambaxxaturi akkreditati għal Malta għall-għoti tal-awguri għas-sena l-ġdida fil-Berġa ta’ Kastilja.
Dwar il-ftehim ad hoc li permezz tiegħu se jiġu rrilokati madwar 220 immigrant, il-Prim Ministru saħaq fuq il-ħtieġa ta’ soluzzjoni dejjiema:
“The solution yesterday was by no means final. Immigration will remain an issue for Europe in the weeks, months, and years to come. Ignoring it will be to the detriment of the future of our union”.
Dr Muscat spjega kif żvolġiet is-sitwazzjoni f’dawn l-aħħar ġimgħat u rreaferma l-impenn tal-Gvern biex il-Libja tkompli tistabbilizza ruħha. Spjega kif din l-istabbiltà tgħin ukoll fil-problema tal-immigrazzjoni.
Fakkar li Malta hija favur il-ftehim magħruf bħala il-Global Compact on Migration li kellu l-għan li jindirizza l-kwistjoni tal-migrazzjoni b’mod ħolistiku u rrimarka li dan il-ftehim safa vittma tal-fake news.
Dwar Brexit, il-Prim Ministru qal li l-għan ta’ Malta hu li jitnaqqsu l-konsegwenzi li dan il-ftehim jista’ jħalli.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar it-tkabbir ekonomiku bla preċedent li qed jesperjenza pajjiżna u kif mis-sena elfejn u tnax sal-lum il-faqar naqas b’10%.
In-Nunzju Appostoliku Alessandro D’Errico, rappreżentant tal-korp diplomatiku qal li s-sena l-oħra Malta mhux talli qdiet l-irwoli tagħha fix-xena internazzjonali iżda tat kontribut aktar minn dak li kien mistenni. Semma wkoll li t-tkabbir ekonomiku kien ta’ benefiċċju għall-Maltin.
Intant f’laqgħa separata mal-Korp tal-Konsli Onorarji ta’ pajjiżna, Dr Muscat tkellem dwar l-importanza ta’ żjajar b’delegazzjonijiet kummerċjali f’diversi pajjiżi bil-għan li jinġieb aktar investiment lejn Malta.
Id-dekan tal-Korp tal-Konsli Onorarji Godwin Bencini rrefera wkoll għall-kwistjoni tal-immigrazzjoni u esprima t-tħassib tiegħu għall-ċerti gvernijiet popolisti Ewropej li qed jibqgħu iwebbsu rashom f’materja daqshekk importanti.