Fi stqarrija maħruġa l-Erbgħa mis-sotto Segretarju Ġenerali tal-Affarijiet Umanitarji u Koordinator tal-Għajnuna ta’ Emerġenza fi ħdan il-Ġnus Magħquda Tom Fletcher, kien ikkundannat il-qtil ta’ wieħed mill-mibgħuta tal-Ġnus Magħquda u l-feriment ta’ ħamsa oħra f’attakki li ċarament kellhom fil-mira sit tal-Ġnus Magħquda f’Gaza. Fletcher qal li kienu qed jibku din it-telfa flimkien mal-familjari tiegħu u f’ismu u f’isem dawk li qed ikomplu bil-ħidma tagħhom, kienu qed jistennew risposti.
L-istqarrija tenniet li l-liġi internazzjonali hija ċara li ċittadini, inkluż ħaddiema tal-Ġnus Magħquda u ħaddiema umanitarji, m’għandhomx ikunu fil-mira u qalu li qed jitolbu għall-appoġġ tal-komunità internazzjonali sabiex jinsistu li ssir investigazzjoni ġenwina u dawk ħatja jinżammu responsabbli.
Matul il-ġurnata tat-Tlieta, f’waħda mill-ġranet li l-aktar inqatlu nies f’Gaza, mijiet ta’ persuni, ħafna minnhom tfal, sfaw maqtula waqt attakki mill-ajru. Dan barra l-fatt li għall-aħħar tliet ġimgħat Gaza kienet kompletament magħluqa għad-dħul ta’ għajnuna li jinkludu ikel, mediċina, fjuwil u gass tat-tisjir.
L-istqarrija saħqet li l-progress milħuq waqt il-waqfien mill-ġlied kien ġie kompletament irrevokat b’familji sfurzati jiċċaqalqu minn djarhom u għal darb’oħra jgħixu fil-biża ta’ attakki u mewt.
L-istqarrija temmet tgħid li hemm bżonn titneħħa r-restrizzjoni tad-dħul ta’ għajnuna umanitarja, l-ostaġġi kollha jkunu mitluqa u ċ-ċittadini protetti filwaqt li jiġġedded il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied.