Dieħlin rapporti li s-sostituzzjoni tas-Samsung Galaxy Note 7, meqjusa siguri mill-kumpanija, qiegħdin jieħdu n-nar ukoll. Skont rapporti tal-midja fl-Istati Uniti, wara li Samsung kellha toħroġ mudelli ġodda tal-ismartphone wara lmenti ta’ batteriji difettużi, issa hemm rapporti b’difetti f’dawn ukoll.
Raġel fil Kentucky qal li nħasad mhux ftit meta qam u sab il-kamra tas-sodda mimlija duħħan. Qal li l-mobile ma kienx imqabbad meta ħa n-nar fid-dar tiegħu nhar it-Tlieta. Dan wara li Note 7 ieħor, ukoll sostitut għall-orġinali, ħa n-nar fuq titjijra tas-Southwest Airlines nhar l-Erbgħa.
Note 7 kien suġġett għall-irtirar tal-massa f’Settembru, iżda Samsung qalet li kienet identifikat il-problema.