Is-sostenn mill-Gvern fi żminijiet ta’ sfidi internazzjonali kien importanti biex l-ekonomija Maltija kibret b’rata akbar minn dak mistenni.
Dan it-tkabbir ekonomiku qed juri li l-ekonomija Maltija kompliet miexja fid-direzzjoni li kienet miexja biha qabel faqqgħet il-pandemija.
Dan intqal mill-ekonomista u lecturer tal-Ekonomija fl-Università ta’ Malta, Dr Ian Cassar, f’intervista ma’ ONE News, dwar l-aħħar ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika – ċifri li juru li s-sena li għaddiet l-ekonomija Maltija kibret bi kważi sebgħa fil-mija meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Huwa qal, “Fil-kuntest Ewropew ta’ bħalissa hija rata b’saħħitha ħafna, imma din tagħti indikazzjoni li l-ekonomija Maltija qisha reġgħet sejra lejn id-direzzjoni tal-pre-pandemic. Ma ninsewx li, bejn l-2013 u l-2019, il-medja tat-tkabbir ekonomiku reali kienet ta’ 7.2 fil-mija, li tagħtina indikazzjoni li l-ekonomija Maltija reġgħet sejra lejn dik id-direzzjoni.”
L-ekonomista spjega li dan it-tkabbir ekonomiku b’saħħtu s-sena li għaddiet seħħ minħabba s-settur tas-servizzi u tal-akkomodazzjoni, fost oħrajn. Dan seħħ anki grazzi għall-irkupru b’saħħtu li seħħ fis-settur turistiku. Is-sena l-oħra ġew ħamsa u tmenin fil-mija (85%) tat-turisti li kienu ġew fl-elfejn u dsatax (2019), is-sena ta’ qabel faqqgħet il-pandemija.
Apparti minn hekk, l-ekonomista sostna li s-sena li għaddiet kien hemm rata qawwija ta’ konsum min-nies, konsum li kien jammonta għall-aktar minn għaxra fil-mija (10.3%).
Spjega, “Naħseb area interessanti ħafna u importanti huwa l-konsum, il-household consumption expenditure, li kien ferm aktar qawwi minn dak li ħafna istituzzjonijiet kienu qegħdin jaraw.”
Dr Cassar tkellem dwar l-importanza tal-għajnuna tal-Gvern f’dan iż-żminijiet ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent. Matul dawn is-sentejn, il-Gvern investa biljun ewro sabiex iżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija, tal-fjuwil, u tal-qmuħ.
Temm jgħid, “M’hemmx dubju li, kif is-sussidju tal-enerġija għen l-ekonomija fis-sena 2022 tikber b’dik ir-rata, anki l-politika tal-fiscal policy tal-għajnuna tal-wage subsidies waqt il-pandemija. Dawk kienu żewġ fatturi mil-lat fiskali li ċertament għenu l-ekonomija Maltija terġa’ tiġi fuq saqajha fis-sena 2021, u s-sena l-oħra biex terġa’ tiġi, terġa’ tikber, b’rati li konna mdorrija bihom re-pandemic.”
Dan wassal biex l-inflazzjoni f’pajjiżna kienet fost l-aktar baxxi fost l-iIstati membri kollha tal-Unjoni Ewropea.
It-tkabbir ekonomiku b’saħħtu ta’ pajjiżna qed iseħħ f’perjodu meta fil-kontinent Ewropew hemm inċertezza kbira minħabba l-inflazzjoni kawża tal-gwerra fl-Ukrajna u l-kriżi tal-enerġija.