Is-sorpriża li ħadet Nicolette Mifsud kienet xi ħaġa li għal ħafna minnha hija ovvja u ta’ kuljum.
Sabet li binha, b’diżabbiltà, seta’ jgħum fil-bajja tal-Għadira bl-iktar mod faċli għax l-awtoritajiet ħasbu għalih ukoll.
Bħal ħafna Maltin Nicolette u wliedha tinżlilhom għasel ġurnata l-baħar, iżda l-fatt li juża siġġu tar-roti ġieli ħassibha mhux ftit.
Il-ġimgħa li għaddiet kitbet fuq facebook li marret l-Għadira u seta’ jgawdi l-baħar bl-iktar mod faċli u magħha morna fuq il-post biex segwejna x’riedet tfisser.
Dan il-proġett u oħrajn bħalu jew simili f’bajjiet oħra sar b’ħidma mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Ray Galea, Assistant Manager tal-Beach Managment Unit fi ħdan l-Awtorità, fisser kif din is-sena żdiedu l-inizjattivi.
Iżda, dan mhux biżejjed. Il-ħsieb hu li għal li ġej il-faċilitajiet jiżdiedu.
B’hekk persuni bħal Nicolette u binha jkollhom moħħhom mistrieħ li fis-sħana li taħkem lill-pajjiżna fix-xhur tas-sajf huma wkoll jistgħu jieħdu pjaċir fl-ilma ta’ xi waħda mill-bajjiet sbieħ li għandna mal-kosta maltija u dan b’mod mill-iktar faċli.