Is-soluzzjoni ewlenija tibqa’ l-paċi.
Kien dan il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela f’intervista li xxandret ftit tas-sigħat wara li pajjiżna offra li jospita taħtidiet għall-paċi bejn ir-Russja u l-Ukrajna, b’mod partikolari wara l-laqgħa bejn il-Presidenti tal-Istati Uniti u l-Ukarjna.
“Ftehmna li nagħmlu din l-offerta li saret through channels diplomatiċi privati lill-Istati Uniti biex pajjiżna jkun qed jospita dan is-summit. Naturalment dik tintlaqax jew le dik l-offerta, wieħed għad irid jara però dik l-offerta li toħroġ mit-twemmin u minn dak li aħna verament nemmnu fih. M’hemmx soluzzjoni oħra ħlief li npoġġu madwar il-mejda u tiġi stabbilita l-paċi.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Hawn il-Prim Ministru enfasizza wkoll li pajjiżna jista’ jagħmel dan minħabba li jħaddan il-prinċipji tan-newtralità u n-non allineament, u li dwarhom m’hemm l-ebda diskussjoni. Fl-istess waqt innota r-riservi tiegħu dwar l-argument li l-Ewropa tista’ tfendi għal rasha fl-għajnuna lill-Ukrajna, bil-konsegwenza li ż-żieda fin-nefqa fid-difiża tkun qed tnaqqas fondi allokati għal oqsma oħra.
Waqt din l-intervista, li saret fil-Maċina, l-Prim Ministru ntalab jispjega l-importanza li pajjiżna jibqa’ jikber ekonomikament u kif dan il-ġid jissarraf.
Dr Abela kien skjett fir-risposta tiegħu hekk kif stqarr li l-miżuri kollha tal-baġit huma frott tat-tkabbir ekonomiku. Fil-fatt, huwa aċċenna wkoll għal numru ta’ miżuri importanti fosthom it-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul li kien aktar mid-doppju minn dak propost fil-manifest elettorali, iżda mhux biss.
“Aqbad iż-żieda rekord li tajna fiċ-children’s allowance għat-tieni sena konsekuttiva. Hemmhekk l-istess, fil-manifest wegħdna: ħa nagħtu erba’ mija u ħamsin ewro żieda mqassma fuq ħames snin. Meta għadna fit-tielet baġit tal-leġiżlatura diġà tajna ħames mija u disgħin ewro żieda.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru semma wkoll, iż-żidiet li qed igawdu minnhom il-pensjonanti kif ukoll miżuri oħra bħall-Carer’s Grant, il-benefiċċju addizzjonali tal-għoli tal-ħajja u t-trasport pubbliku b’xejn minbarra l-investiment li sar fl-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija.
Il-Prim Ministru kien ukoll mistoqsi fuq suġġett tipiku dak tal-karnival, li ntalab jispjega fejn jinsab il-proġett li għalih diġà ġew allokati ħmistax-il miljun ewro, u li se jkun qed jara d-dilettanti jkollhom post xieraq minn fejn jaħdmu.
“Din is-sena kuntent li se mmur għand id-dilettanti b’risposta konkreta li bħalissa hemm it-tender għat-tindif u t-twaqqigħ ta’ bini u skavar li qed jiġi evalwat sabiex fix-xhur li ġejjin, din is-sena stess jibdew ix-xogħlijiet.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Hawn Dr Abela nnota li kien hemm numru ta’ sfidi li kellhom jiġu ndirizzati filwaqt li esprima t-tama tiegħu li l-proġett jissokta ħalli jibda jitgawda mill-aktar fis possibli.
Fil-bidu ta’ din l-intervista, Wayne Sammut għamel ukoll għadd ta’ domandi mgħaġġla lill-Prim Ministru.
Sammut: “L-akbar riforma li tħoss li kienet importanti fiż-żmien tiegħek bħala Prim Ministru, liem kienet?”
Abela: “Ir-riforma tal-liġi tal-IVF li għamilna fl-2022 però minkejja dak ngħid li fadal iżjed x’nagħmlu.”
Sammut: “L-akbar sfida li qed jaffaċċja l-pajjiż bħalissa?”
Abela: “Naħseb hija dik relatata mad-daqs tagħna, jiġifieri minħabba l-fatt li qed ikollna investiment ta’ kwalità li mhux dejjem nistgħu nakkomodawh.”
Sammut: “Taħseb li l-Partit Laburista kapaċi jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss?”
Abela: “Iva, kapaċi jirbaħ ukoll b’marġini b’saħħithom sakemm imma jibqa’ jaħdem ta’ kuljum kif qiegħed jagħmel bħalissa biex jikseb il-fiduċja tal-poplu tagħna.”