Diċembru jkennen fid-dar lill-kbar u liż-żgħar. Dan hekk kif bosta jiltaqgħu fi djarhom biex iqattgħu l-jiem tal-festi mal-familja.
Madankollu, meta persuna tkun qed tgħix ħajjitha fis-solitudni, dan iż-żmien ikompli jagħmel il-ferita iżjed fonda.
Hekk saħqet il-leader tas-Supportline tal-Appoġġ Svetlana Camilleri,li spjegat kif “dawn iż-żminijiet ikunu diffiċli ħafna, għaliex inti tkun qed tara n-nies kollha ta’ madwarek kulħadd ferħan, forsi joħroġ Christmas shopping, tara ħafna nies jiċċelebraw, u forsi dak li jkun jaħseb li huwa waħdu għaddej minn ċertu problemi”.
Matul is-sena l-oħra, is-supportline 179 irċieva 684 telefonata ġenwina ta’ persuni li qed ibatu minn solitudni. Dan filwaqt li sarulhom 54 telefonata minn persuni li jfittxu l-għajnuna rigward ħsibijiet suwiċidali. Is-supportline irċieva wkoll 2,561 telefonata minn persuni li jkunu jixtiequ jiftħu qalbhom ma xi ħadd.
Svetlana Camilleri saħqet li s-solitudni tagħmel persuna vulnerabbli u f’ċertu każi twassal lil persuni biex ikollhom ħsibijiet suwiċidali. “Sfortunatament min m’għandux support system tajjeb u min iħossu waħdu ġieli jiġuħ dawn il-ħsibijiet li jneħħi ħajtu b’idejħ. Ovvjament, aħna dejjem nirrakomandaw li persuni li jiġuhom dawn il-ħsibijiet jirrikorru għall-għajnuna”.
Waqt li kulħadd ikun għaddej b’ħajtu, qalb l-istorbju taċ-ċelebrazzjonijiet u l-festini ta’ żmien il-Milied, jaf ikun hemm karba siekta ta’ persuna li għandha bżonn l-għajnuna.
Svetlana Camillleri qalet li bi ftit attenzjoni wieħed jista’ jasal anke biex isalva ħajja. “Xi kultant ukoll ma nkunux attenti biżżejjed ta’ ċertu kummenti li jkunu qed jgħaddu n-nies ta’ madwarna, bħal per eżempju, jekk persuna tgħidlek li tinsab imdejqa ħafna, jekk persuna tgħidlek li xebgħet tgħix, jekk persuna tibda tiddistribwixxi affarijiet ta’ valur għaliha, tibda ttihom. Jekk persuna tibda tgħidlek li m’għandiex iktar tama fil-ħajja u m’għandiex iktar skop. Dawk huma ftit mir-risk factors li aħna naraw”.