Il-problemi marbutin mas-solitudni huma l-aktar raġuni komuni għaliex il-persuni li għamlu kuntatt bit-telefown mas-support line nazzjonali 179.
Dan joħroġ minn tagħrif għal mistoqsija Parlamentari, li saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, dwar it-total ta’ telefonati ġenwini li saru fuq din il-linja mill-2022 ’l hawn.
L-informazzjoni miġbura mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, turi li matul s-sena li għaddiet saru b’kollox ftit aktar minn tnax-il elf u ħames mitt telefonata ġenwina lil din il-linja.
Ftit aktar minn tlett elef u sitt mija minnhom kellhom x’jaqsmu mas-solitudni.
Tkellimna ma’ Svetlana Buttigieg, Maniġer fi ħdan Appoġġ Malta, fejn spjegat aktar fid-dettall il-ħidma tal-179 u kif l-istorja ta’ suċċess għalihom hi meta jgħinu lil xi ħadd fil-bżonn.
Qalet, “Matul is-snin rajna żieda fit-telefonati fejn ikollna minn kull tip ta’ telefonati. Fosthom relatati mas-solitudni, mas-saħħa mentali u hemm aħna nħossu li meta jċemplu lilna hi storja ta’ suċċess, għax stajna ngħinuhom.”
Spjegat kif, minkejja li bosta jaħsbu li huma t-tfal jew l-anzjani fil-maġġoranza li jċemplu, l-etajiet ivarjaw ferm u huma bosta persuni minn kull mixja tal-ħajja li f’xi waqtiet ikollhom bżonn jitkellmu ma’ xi ħadd dwar xi kwistjoni jew oħra.
Qalet, “Il-problema tas-solitudni hi kbira fil-fatt naraw li ħafna nies, b’mod partikolari anzjani, iżda hemm bosta persuni oħrajn li jkunu ta’ etajiet differenti, fosthom nies li ħarġu minn xi relazzjoni, nies ta’ mezz’età, fost oħrajn. Aħna nħeġġuhom biex ma joqogħdux biss fuq il-linja tagħna imma jfittxu mezzi oħrajn bħala għajnuna.”
Svetlana appellat biex wieħed, meta jeħtieġ, ma joqgħodx lura milli jagħmel il-pass li jitkellem u jiftaħ qalbu anke mas-servizz offrut mill-Istat li hu dejjem disponibbli lejl u nhar.
Qalet, “Min jaħseb li għaddej minn żmien diffiċli f’ħajtu u jaħseb li mhemmx mezz ieħor, iċempel. L-għajnuna tinsab pass ’il bogħod, hekk kif il-linja tagħna hi b’xejn u taħdem 24 siegħa kuljum.”