Ir-reġjuni qrib pajjiżna ilhom mifnija bi kriżijiet u Malta kommessa li tkompli tippromwovi sforzi kollettivi fejn tidħol il-migrazzjoni. L-ammont ta’ nies li qed jitilfu ħajjithom fi triqthom lejn ħajja aħjar għandu jfakkar lill-komunità internazzjonali fil-bżonn li tiġi ndirizzata l-kawża tal-problema.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr dan meta indirizza summit umanitarju fit-Turkija. Insista dwar il-bżonn li tkun stabilita viżjoni komuni li fiha kulħadd jiġbed l-istess ħabel, flimkien ma’ sistema tal-ażil Ewropea. Fakkar li Malta bdiet tilqa’ dawk li qed ifittxu l-ażil u li kienu l-Greċja u l-Italja, skont kif titlob l-iskema ta’ rilokazzjoni Ewropea. Dan minkejja li għal ħafna snin, pajjiżna tħalla waħdu biex jaffaċja influss qawwi ta’ immigranti. F’dan il-kuntest il-Prim Ministru qal ċar u tond li s-solidarjetà mhix xi menu a la carte.
Malta tibqa’ kommessa li tindirizza l-bżonnijiet ta’ dawk il-persuni li kellhom jiċċaqalqu minn djarhom. Il-Prim Ministru qal li pajjiżna jinsab kommess li jipprovdi edukazzjoni primarja, sekondarja u vokazzjonali lil dawk li kellhom jaħarbu minn djarhom.
https://www.youtube.com/watch?v=lCdAO6LkPVo&feature=youtu.be