Il-MPE Miriam Dalli inkarigata li tiżgura li aktar minn €500 miljun jintużaw għal miżuri favur solidarjetà fil-prattika.
Ammont sostanzjali ta’ fondi taħt il-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni (AMIF) fir-riskju li jintilfu jekk ma jkunux allokati għall-miżuri li jappoġġjaw is-solidarjetà fil-prattika fost l-Istati Membri.
“Minkejja li kienu allokati għall-miżura tar-rilokazzjoni ta’ persuni fost l-iStati Membri tal-UE, iktar minn €500 miljun ma ġewx utilizzati. Dan huwa messaġġ ċar li mhux l-Istati Membri kollha jemmnu fis-solidarjetà. Dan m’huwiex aċċettabbli u Stati Membri bħal Malta għandhom ikunu appoġġati,” qalet il-MPE Laburista Miriam Dalli.
Miriam Dalli bħalissa qed tmexxi n-negozjati dwar il-Fond ta’ Ażil u Migrazzjoni, li jiswa aktar minn €10 biljun, għall-baġit fit-tul li jmiss tal-UE (2021-2027). Issa, il-Parlament Ewropew inkariga lill-MPE Maltija biex tmexxi n-negozjati dwar l-allokazzjoni ta’ aktar minn €500 miljun mill-baġit attwali li baqgħu ma ntużawx.
“Għax jemmnu fis-solidarjetà, Stati Membri bħal Malta użaw dan il-fond biex jilħqu l-obbligi tagħhom taħt l-iskemi ta’ rilokazzjoni. Is-solidarjetà bħala prinċipju m’għandhiex titwarrab għax xi pajjiżi ma jimpurtahomx minn dak li jiġri fil-pajjiżi li qegħdin fil-Mediterran,” qalet Dr Dalli.
Fil-qofol tal-kriżi migratorja fl-2015, l-Istati Membri qablu mar-rilokazzjoni ta’ persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali kif ukoll għar-risistemazzjoni tar-refuġjati Sirjani. Għal dan il-għan, ġew assenjati madwar €843 miljun, bl-impenn irid nkun sar sa tmiem l-2018. Madankollu, minkejja li d-data ta’ skadenza hi imminenti, iktar minn €500 miljun baqgħu mhux użati.
“Huwa importanti li l-fondi ma jintilfux u għandhom jerġgħu jiġu ri-assenjati biex jintużaw. L-għan oriġinali tar-rilokazzjoni m’għandux jitneħħa,” qalet Dalli.
Fil-preżentazzjoni tal-abbozz ta’ rapport fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (LIBE), l-Ewroparlamentari appoġġjaw il-viżjoni ta’ Dalli biex jikkommettu persentaġġ tal-fondi disponibbli għal skopijiet ta’ rilokazzjoni u biex il-bqija tal- fondi jiġu allokati għat-tisħiħ u l-iżvilupp tas-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil, il-migrazzjoni legali, l-inklużjoni soċjali tal-migranti u r-ritorn ta’ persuni li ma jikkwalifikawx għal protezzjoni.