Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, ħabbar f’konferenza stampa li, b’investiment ta’ miljun ewro, is-sodod kollha fir-Residenza San Vinċenz de Paul saru elettriċi. Dan bil-għan li r-residenti issa huma komdi kemm jista’ jkun u l-kura tkun dejjem waħda ta’ eċċellenza.
“Dan l-investiment ta’ miljun ewro qed jiżgura li kull sodda f’din il-faċilità kbira ta’ San Vinċenz De Paul, issa hi mekkanizzata, elettrika. Dan ifisser li issa l-persuni li jużaw dawn is-soddod se jkunu aktar komdi biex jiċċaqilqu fis-sodda, iżda wkoll biex joħorġu u jidħlu fis-sodda.”
Il-Ministru spjega li minn din l-inizjattiva ma gawdewx biss l-anzjani, imma wkoll dawk kollha li jieħdu ħsiebhom.
“Importanti ħafna wkoll li niftakru li l-persuni, impjegati tagħna li jieħdu ħsieb lil dawn l-anzjani, se jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar, għax dawn is-sodod huma aktar faċli biex jgħinu l-persuni.”
Il-Ministru Abela spjega kif din l-inizjattiva tmur id f’id ma’ diversi miżuri mħabbrin fil-baġit għas-sena d-dieħla u oħrajn li qed jiġu implimentati.
Fil-fatt semma diversi miżuri fejn tidħol il-kura fit-tul u dik preventiva, fosthom screening għall-kundizzjonijiet fl-għajnejn u fil-qalb kif ukoll aktar speċjalizzazzjoni fil-kura mentali.
Minbarra dawn semma wkoll numru ta’ miżuri li jagħtu sostenn lill-anzjani, biex dawn jibqgħu jgħixu ħajja ta’ dinjità u jkomplu jagħtu kontribut imprezzabbli lis-soċjetà.
Fakkar, fost l-oħrajn, fiż-żieda għal darb’oħra fil-pensjonijiet, l-istabbiltà fil-kontijiet kif ukoll miżuri li jħeġġu aktar anzjani jibqgħu fid-dinja tax-xogħol.