Nhar it-12 ta’ Ġunju 2024 is-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa Marsa se tagħlaq 75 sena mit-twaqqif tagħha.
Fid-dawl ta’ dan, il-banda bħalissa tinsab fil-Vatikan fejn qed timmarka din il-ġrajja b’żewġ avvenimenti ewlenin. Dan hekk kif il-Banda ta’ din is-soċjetà, daqqet fil-Pjazza tal-Vatikan u se ttella’ kunċert prestiġjuż fil-Bażilika ta’ San Andrea Della Valle f’Ruma.
Qabel ma telqu lejn Ruma, żorna l-każin tal-istess soċjetà.
Hemmhekk tkellimna, fost oħrajn, ma’ Byron John Sammut fejn spjegalna wkoll kif dawk kollha li se jitilgħu l-Italja, saħansitra se jkunu qed jiltaqgħu, mal-Kap tal-Knisja Kattolika, il-Papa Franġisku.
“Nhar l-Erbgħa 6 ta’ Diċembru se nkunu qed niltaqgħu mal-qdusija tiegħu, il-Papa Franġisku fejn bażikament hemmhekk se jkun hemm daqq qabel l-udjenza ġenerali u kif ukoll anke wara l-udjenza ġenerali se jkun hemm programm ta’ marċi kemm tal-Milied u kif ukoll festivi fil-Pjazza tal-Vatikan.”
Spjega wkoll kif lil hinn mill-mużika se jkun hemm esebizzjoni ta’ arti Maltija li tinvolvi l-presepji.
“Tajjeb ukoll insemmu li fl-istess Bażilika ta’ San Andrea Della Valle se jkun hemm 27 presepju li se jkunu esebiti minn artisti Maltin. Dawn se jkunu kollha taħt il-kollaborazzjoni tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u se jkunu esebiti mit-8 ta’ Diċembru sal-għada tal-Gandlora fi Frar.”
Tkellimna wkoll mas-Surmast David Joseph Sammut li spjegalna t-tħejjijiet li saru mill-banda quddiem dawn l-avvenimenti importanti li se jibqgħu mnaqqxin fl-istorja ta’ din is-soċjetà mużikali lokali.
“Il-banda ġiet ippreparata tajjeb ħafna. Għandna mużika ta’ kemm surmastrijiet Maltin, inkluż sinfonija pastorali ta’ Galea, mużika li hi wkoll sagra ta’ Marco Frisina u mużika oħra wkoll li se tkun animata minn żewġ soprani bravi. Waħda hi Gabrielle Portelli u l-oħra Kristy Spiteri.”
Il-kunċert li se jsir fis-7 ta’ Diċembru fil-Bażilika ta’ San Andrea Della Valle se jittella’ taħt il-patroċinju tal-MTA u tal-Ambaxxatur għas-Santa Sede, Frank Zammit.