Hekk kif din is-sena qed tfakkar il-160 sena minn mindu twaqqfet, is-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan ta’ Ħal Qormi kellha esperjenza li ma tintesa qatt f’Ruma u fil-Vatikan.
Fost l-oħrajn, il-banda, flimkien ma’ membri tal-Kumitat u partitarji, ħadet sehem fl-udjenza ġenerali mal-Papa Franġisku li saret fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan. Diversi marċi brijużi, inkluż l-innu tal-Vatikan u l-innu popolari ta’ San Bastjan, instemgħu jidwu fi Pjazza San Pietru. Il-Papa ltaqa mal-uffiċjali, fosthom il-President tal-Banda Charles Saliba u s-sindku Josef Masini Vento. Huma preżentawlu rigali u bidlu l-kallotti.
Matul iż-żjara, li saret bejn l-24 u s-27 ta’ Ottubru, il-banda kellha wkoll l-okkażjoni li ddoqq ma’ diversi toroq tal-kapitali Taljana. Dawk preżenti marru wkoll, fost l-oħrajn, fuq il-qabar ta’ San Bastjan. Hemmhekk saret quddiesa b’innijiet Maltin eżegwiti mill-banda.
Huma żaru wkoll lill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Italja, il-Brigadier Carmelo Vassallo, fil-binja tal-ambaxxata.
Jakkumpanjaw lill-banda kien hemm ukoll is-sindku ta’ Ħal Qormi, Josef Masini Vento, u għadd ta’ kunsillieri.