Kliem iebes mid-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi li quddiem l-azzjoniiet ta’ dawk li qed isejħu lilhom infushom bħala s-soċjetà ċivili reġa’ rrikora għall-kitba biex jispjega l-prinċipji bażiċi ta’ soċjetà li tħaddan ir-rule of law.
Il-Professur Kevin Aquilina indirizza b’mod ċar it-talba biex jirriżenjaw il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.
Fisser kif dik li qed issejjaħ lilha nnifisha bħala soċjetà ċivili qed tippretendi li dawn jitilqu għax qed jgħidu hekk huma.
“Għal dawn iż-żewġ persuni m’hemmx rule of law,” jikteb il-Professur Aquilina li jinnota kif hemm min qed jaġixxi b’mod qisu dawn it-tnejn m’għandhomx drittijiet.
“Ladarba l-qorti tal-poplu akkużatahom u kkundannathom, il-Prim Ministru, billi jinjora il-Kostituzzjoni, id-drittijiet fundamentali u l-liġijiet ta’ Malta għandu jkeċċihom. Dak bażikament li qed jitolbu dawk li qed jorganizzaw is-soċjetà ċivili,” kompla jikteb il-Professur Aquilina.
Żied jinnota li dawk li qed jorganizzaw il-protesti ma sejħux għal xi inkjesta indipendenti biex tinvestiga l-allegazzjonijiet tagħhom.
“Bi ksur tad-dritt ta’ smigħ xieraq, diġà ddeċidew li huma ħatja,” qal Aquilina.
Il-Professur tal-liġi semma x’inhuma l-affarijiet li wieħed kellu jikkunsidra fi kwistjoni bħal din bħal kondotta tal-persuni involuti, il-lealtà tagħhom lejn l-istat u jekk imxewx mal-liġi.
“Għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili m’hemmx liġi bħal din,” żied Aquilina li kompla jispjega kif ir-rule of law titlob aġir għal kollox differenti minn tas-soċjetà ċivili.
Fuq kollox jagħmilha ċara li dak mitlub minn dawn il-persuni jmur kontra rule of law. Fi kliemu soċjetà li tirrispetta s-saltna tad-dritt is-soċjetà ċivili għandha tippropini ħwejjeġ li huma skont il-liġi.
Intant, din is-suppost soċjetà ċivili hi mmexxija mill-kunsillier tal-Partit Nazzjonalista, Michael Briguglio u l-alleat ewlieni tieħgu hu Manuel Delia, persuna prominenti oħra fil-Partit Nazzjonalista magħruf l-iktar għar-rabtiet ma’ Austin Gatt fi żmien li seħħ l-iskandlu taż-żejt.