F’diskussjoni organizzata minn Żgħażagħ Laburisti bl-isem ta’ ‘Soċjaliżmu Llum’, ġiet diskussa l-ideoloġija soċjalista f’pajjiżna u fuq l-effett li din kellha u għad għandha fuq kull faxxa tas-soċjetà Maltija.
Fost il-kelliema kien hemm il-President ta’ Żgħażagħ Laburisti, Georvin Bugeja, li spjega kif din id-diskussjoni kienet fost l-oħrajn immirata sabiex tħeġġeġ il-parteċipazzjoni żgħażugħa fil-ħajja politika.
Bugeja qal, “Tajna ħarsa lejn il-prinċipji li jsawru lill-Partit Laburista, u għaliex aħna relevanti għal-lum il-ġurnata, għaliex il-Partit Laburista u ż-żgħażagħ, partikolarment, iridu jkunu aktar attivi fil-ħajja politika, fix-xena pubblika, u anke f’partiti politiċi bħal m’hu l-Partit Laburista.”
ONE News tkellem ma’ Dr Alex Sciberras Trigona, li ra l-idealoġija soċjalista tissawwar f’pajjiżna. Huwa fakkar f’kif tul l-istorja tal-Partit Laburista, li dejjem ħaddan is-soċjaliżmu demokratiku, l-għan dejjem kien li l-livell tal-għajxien tal-Maltin u l-Għawdxin jibqa’ dejjem jogħla.
Stqarr kif l-aħħar xhieda ta’ dan hija l-għajta tal-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali, li l-manifest elettorali tiegħu kien mogħni b’ideat soċjalisti li se jtejbu l-ħajja ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin.
Sciberras Trigona stqarr, “Dak huwa s-Soċjaliżmu llum, li qiegħdin naraw qed isir. Għandna t-tifsira mill-mitt idea, għall-elf proposta ta’ politika, maqsumin ministeru b’ministeru, segretarju parlamentari b’segretarju parlamentari, kollha jafu x’għandhom x’jagħmlu. Issa mhux, “Issa x’se nagħmlu la tlajna fil-Gvern?”. Le, hemm programm.”