Benoit Hamon se jkun il-kandidat tal-Partit Soċjalist Franċiż fl-elezzjoni Presidenzjali li se ssir f’April. Dan hekk kif l-eks Ministru għall-Edukazzjoni għeleb b’kumdita lill-eks Prim Ministru Manuel Valls li kkonċeda t-telfa qabel intemm l-għadd tal-voti.
Minn stħarriġ li sar jidher li l-favoriti għal din l-elezzjoni huma Francois Fillon, mill-partit tal-Konservattivi u Marine Le Pen mill-Partit tal-Lemin.
Hamon qal li minkejja d-differenzi, il-forzi tax-xellug qatt ma kienu daqshekk viċin ta’ xulxin fejn jidħlu ideat, u appella għall-għaqda.
Il-kandidat Presidenzjali li għandu 49 sena, appella lill-Partit Soċjalista, l-kandidat xellugi indipendenti Jean-Luc Melenchon u l-kandidat tal-Ħodor biex jagħmlu koalizzjoni u jiffurmaw gvern ta’ maġġoranza.