Il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej jaqbel mal-pjan tal-Unjoni Ewropea, imħabbar ilbieraħ, dak li l-kontinent Ewropew ikun ħieles mill-karbonju sal-2050.
Permezz ta’ Twitter, il-President tal-Partit tas-Soċjalisti Ewropej Iratxe Garcia Perez qalet kif mill-bidu tal-leġiżlatura fl-2019 bdiet ħidma mis-Soċjalisti sabiex dan il-pjan, imsejjaħ bħala l-European Green Deal, iseħħ tassew.
Fil-pjan li tħabbar ilbieraħ mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen intqal kif dan il-pjan fih miri ambizjuzi favur l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja.
Fost il-proposti hemm li sal-2035, il-membri stati kollha jridu jwaqqfu l-bejgħ ta’ vetturi li jaħdmu bil-petrol u d-diesel.
Proposti oħra jinkludu taxxa fuq il-fjuwil tal-avjazzjoni u taxxa fuq il-manifatturi li ġejjin minn barra l-Ewropa meta jimportaw materjali bħal azzar u l-konkrit.
Il-pass li jmiss għal dan il-pjan huwa li jiġi approvat mill-membri stati kollha u anke mill-Parlament Ewropew.
F’summit tal-Kunsill Ewropew f’Diċembru li għadda, li għalih kien hemm preżenti wkoll il-Prim Ministru Malti Robert Abela, il-mexxejja Ewropej qablu li l-Ewropa għandha tmexxi b’dan il-pjan.
Hawnhekk huma qablu fuq ftehim li sal-2030 l-emissjonijiet marbuta mat-tisħin globali jonqsu sa 55%.